Counselling online biex jgħin studenti jaffaċċjaw il-ħajja

Il-proġett Blossom tal-Malta Trust Foundation se jitrasferixxi s-sapport kollu psiko-soċjali tiegħu għall-istudenti vulnerabbli li jkollhom bżonn l-għajnuna biex jaffaċċjaw il-ħajja wara li ngħalqu l-iskejjel kawża tal-pandemija tal-coronavirus.

FI stqarrija, il-Fondazzjoni spjegat li l-proġett li huwa ssapportjat minn Deloitte Foundation, beda erba’ snin ilu u jipprovdi servizzi ta’ counselling lil studenti li jattendu l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar u l-middle school tan-Naxxar.

Il-Kap tal-Fondazzjoni, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet li f’dawn iż-żminijiet straordinarji hemm bżonn nassiguraw li l-aktar tfal vulnerabbli ma jispiċċawx imorru għall-għar fejn tidħol is-saħħa mentali tagħhom.

L-iskop wara l-proġett Blossom huwa li jassigura li jkun hemm servizzi ta’ counselling li jservu bħala tisħiħ għal dawn it-tfal biex jgħelbu l-isfidi li ġġib magħha l-ħajja. Mill-bidu tiegħu, il-proġett għen kważi 400 student. Din is-sena, il-counsellors kienu qed isegwu mal-137 każ fiż-żewġ skejjel.

Is-servizz issa se jkun qed jiġi offrut b’mod remot kemm online kif ukoll permezz ta’ telefonati. Wieħed jista’ jċempel fuq 25986866 bejn it-8am u nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa.