Correa jqaxxar xagħru b’rispett lejn ommu

Jekk il-ġlieda kontra l-coronavirus m’hix diffiċli biżżejjed, Angel Correa qed jiġġieled battalja oħra fl-istess ħin. Ommu mardet bil-kanċer. L-Arġentinjan qed jgħin kemm jista’ lil ommu u bħala turija ta’ sapport morali ħa ritratt ma’ ommu u tellgħu fuq il-midja soċjali. Fir-ritratt jidher li Correa qaxxar xagħru. Ġest b’turija ta’ solidarjet ma’ ommu li għadha kemm bdiet it-trattament.

Għal Correa din m’hix l-ewwel battalja li kellu jaffaċja. Meta kellu 10 snin tilef lil missieru. Il-flus li kien jagħmel permezz tal-futbol dak iż-żmien, kienu l-unika flus li kienu qed jaslu lill-familtu. Ommu kienet tieħu ħsieb tqassam il-flus li kien jaqla mill-maniġer li kien iħallas lil Correa tal-futbol.

Tliet snin ilu, propju waqt li kien qed jagħmel it-test mediku ma’ Atletico, skoprew li kellu tumur f’sidru u kellhom joperawh ta’ malajr. Correa stqarr li l-problemi u l-ostakli li ltaqa’ magħhom f’ħajtu għamluh raġel aktar b’saħħtu u tawh il-kuraġġ li jkompli b’ħajtu u jgħin lil familtu.