Coronavirus: Xjentisti ħolqu mappa live dwar fejn hemm każijiet

Johns Hopkins CSSE

Read in English.

Xjentisti ħolqu mappa li turi fejn qed ikun hemm każijiet tal-coronavirus madwar id-dinja.

Tliet xjentisti mill-John Hopkins University fl-Istati Uniti qed jaġġornaw din il-mappa kontinwament bl-aħħar informazzjoni uffiċjali dwar il-COVID-19.

Il-mappa turi li qrib Malta hemm 453 każ l-Italja u każ ieħor il-Greċja.

S’issa hemm l-aktar każijiet fiċ-Ċina fejn hemm 78,497 każ mit-82,170 każ madwar id-dinja.

Johns Hopkins CSSE

Reċentament tfaċċaw l-ewwel każijiet fir-Rumanija u d-Danimarka.

Għandek tilbes maskra?

Dr Charles Mallia Azzopardi qal li dawk li mhumiex infettati bil-coronavirus u qed jilbsu l-maskri, qegħdin jagħmlu dan għalxejn, peress li l-maskri għandhom jintlibsu minn min ikollu l-virus sabiex ma jinfettax lil ħaddieħor.

Hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt, it-tabib spjega li s-sitwazzjoni meta tintuża maskra fi sptar hija kompletament differenti għal meta tintuża barra mill-isptar, peress li fi sptar il-pazjenti jkunu qed jingħataw trattament.

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fix-Xogħol (OHSA) qed tagħmel appell lil min iħaddem biex jinkoraġġixxi lill-ħaddiema biex jekk ikunu bid-deni jew ikollhom is-sogħla, jibqgħu d-dar. Dan l-appell sar qalb it-tħassib li ħakem il-Gżejjer Maltin fl-aħħar jiem dwar il-coronavirus.