Coronavirus: Vaċċin ieħor jidher li huwa 95% effettiv

Read in English.

Informazzjoni bikrija tal-kumpanija Amerikana Moderna qed turi li l-vaċċin tagħha li jipproteġi kontra l-coronavirus huwa 95% effettiv. Ir-riżultati ġejjin mit-tielet fażi tat-testing ta’ dan il-vaċċin.

Skont analiżi interim li nħarġet illum, il-vaċċin instab li għandu effiċjenza ta’ 94.5%. Moderna qalet li se tkun qed tapplika mar-regolatur Amerikan, il-Food and Drug Administration, għall-awtorizzazzjoni biex dan il-vaċċin ikun jista’ jibda jintuża b’emerġenza fil-ġimgħat li ġejjin.

90 mill-pazjenti f’din il-fażi tat-testing ingħataw il-placebo, filwaqt li ħames persuni oħra ngħataw il-vaċċin. Skont l-informazzjoni maħruġa, kien hemm 11-il każ gravi ta’ coronavirus f’din il-fażi, madanakollu l-ebda persuna li rċeviet il-vaċċin ma mardet bil-virus.

Aktar kmieni dan ix-xahar, analiżi interim simili ta’ vaċċin ieħor b’kollaborazzjoni bejn Pfizer u BioNTech issuġġeriet li l-vaċċin huwa 90% effettiv.

Aktar minn 30,000 voluntier ipparteċipaw fit-trials ta’ Moderna. Il-vaċċin iżda mhux mistenni li jkun disponibbli barra mill-Istati Uniti qabel is-sena d-dieħla. Il-kumpanija qalet li se jkollha 20 miljun doża sal-aħħar ta’ din is-sena li se jitqassmu fl-Istati Uniti. Intant, qed tittama li s-sena d-dieħla tkun tista’ timmanifattura bejn 500 miljun u biljun doża globalment matul is-sena d-dieħla. Il-Kummissjoni Ewropea għandha ftehim ta’ xiri potenzjal ta’ bejn 80 u 160 miljun doża.

Il-vaċċin ta’ Moderna huwa bbażat fuq teknoloġija mRNA simili għal dik ta’ BioNTech. Madanakollu, jaf għandha vantaġġ ikbar minn fuq il-vaċċin l-ieħor. Il-vaċċin ta’ BioNTech għandu bżonn temperature bejn -70 u -80 gradi Celsius sakemm ikun trasportat mill-faċilità għall-pazjent. Intant, il-vaċċin ta’ Moderna jidher li għandu kundizzjonijiet aħjar hekk kif dan jista’ jitqiegħed fi friġġ b’temperaturi bejn żewġ gradi Celsius u tmien gradi Celsius u jibqa’ tajjeb għal 30 jum.