Coronavirus: “Tobba tal-familja mhux attrezzati biex jagħtu l-għajnuna”

Read in English.

Għall-kuntrarju ta’ dak li talab il-Gvern ilbieraħ, it-tobba tal-familja mhux attrezzati biex jagħtu l-għajnuna lil persuni li jaħsbu li għandhom sintomi tal-coronavirus (COVID-2019). Dan qalu t-tabib Jan Chircop permezz ta’ post fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li kull persuna li għadha ġejja minn wieħed mill-pajjiżi infettati mill-virus u tħoss sintomi tal-virus, inkluż deni u problem respiratorji, għandha titkellem mat-tabib tal-familja jew iċċempel fuq il-helpline 21324086.

It-tabib sostna li l-pubbliku ma għandux imur għand tabib tal-familja, iżda għandu direttament iċempel fuq il-helpline. Dan jekk fi żmien 14-il jum iħoss is-sintomi li jistgħu jiġu assoċjati mal-virus. Sostna li t-tobba tal-familja mhux attrezzati u m’għandhomx biżżejjed sapport biex jaffaċċjaw dan il-virus. Qal li d-Dipartiment tas-Saħħa ma tax l-għajnuna neċessarja lilhom.

It-tabib sostna li t-tobba tal-familja qed iġibu l-informazzjoni neċessarja dwar il-coronavirus mill-midja u ftit li xejn kellhom gwida mid-Dipartiment tas-Saħħa. Qal li kull min imur għand tabib tal-familja xorta se jispiċċa jiġi trasferit biex iċempel fuq il-helpline.

Dan japplika għal dawk li jkollhom deni, sogħla jew qtugħ ta’ nifs fi żmien ġimagħtejn wara li jżuru l-pajjiżi t’hawn taħt:

  • Iċ-Ċina
  • Il-Hong Kong
  • Singapore
  • Il-Ġappun
  • L-Iran
  • Il-Korea t’Isfel
  • L-Italja ta’ Fuq – Il-Lombardija, Piedmont, Veneto u Emilia-Romagna

Fil-post tiegħu it-tabib ta lista ta’ miżuri li wieħed jista’ jieħu għal iġene bażika. Dawn jinkludu:

  • Ħasil tal-idejn bis-sapun u ilma jew l-użu ta’ alcohol hand rub
  • Jekk ma tiflaħx, ibqa’ d-dar; tmurx għax-xogħol, l-iskola jew f’postijiet pubbliċi sakemm tħossok aħjar
  • Iżżurx pazjenti fl-isptar jekk ma tiflaħx
  • Uża tissue jew il-minkeb biex tgħatti ħalqek u mnieħrek meta tgħatas jew tisgħol

Despite what this press release says, people who have traveled to countries effected by CoronaVirus within the last 14…

Posted by Dr Jan Chircop Practice on Tuesday, February 25, 2020