Coronavirus: ‘Tiġux l-Università’ – ir-Rettur lil dawk li siefru

Read in English.

Studenti u lecturers fl-Università ta’ Malta li għadhom ġejjin lura mis-safar lejn wieħed mill-pajjiżi affettwati mill-Coronavirus qed jintalbu ma jersqux lejn l-Università għal 14-il jum.

F’email iffirmat mir-Rettur il-Prof. Alfred Vella, l-istudenti u l-lecturers tal-Università ta’ Malta li siefru lejn iċ-Ċina, Hong Kong, Singapore, il-Ġappun, l-Iran, il-Korea t’Isfel u l-Italja mit-22 ta’ Frar ‘l hawn, sabiex ma jersqux lejn lectures qabel ma jgħaddu l-14-il jum ta’ kwarantina. Ir-Rettur appella wkoll sabiex jekk mhux totalment neċessarju, ħadd ma jivvjaġġa lejn dawn il-pajjiżi.

Intant, l-Università ta’ Malta issa għandha Emergency Situation Team li se jkun qed jippubblika pariri, minn żmien għal żmien, u skont il-bżonn. Wieħed jista’ jagħmel kuntatt ma’ dan it-tim permezz ta’ email fuq emergencysituation@um.edu.mt.

X’qed jingħad aktar dwar il-coronavirus?

L-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel qalet li Malta u Għawdex għandhom pjan preparatorju ta’ 14-il sodda f’każ li l-coronavirus jasal Malta. Fi stqarrija, l-union spjegat li dan ifisser li jekk ikollu jidħol ajruplan jew xi cruiseliner Malta u jinstab li jkollu fuqu persuni li għandhom il-coronavirus (COVID-2019), 14-il każ biss ikunu jistgħu jinżammu fil-faċilitajiet kurrenti.

Intant, tabib tal-familja qal fuq Facebook li għall-kuntrarju ta’ dak li talab il-Gvern ilbieraħ, it-tobba tal-familja mhux attrezzati biex jagħtu l-għajnuna lil persuni li jaħsbu li għandhom sintomi tal-coronavirus (COVID-2019). Hu talab lill-pubbliku sabiex iċempel fuq il-helpline 21324086.

Dan japplika għal dawk li jkollhom deni, sogħla jew qtugħ ta’ nifs fi żmien ġimagħtejn wara li jżuru l-pajjiżi t’hawn taħt:

  • Iċ-Ċina
  • Il-Hong Kong
  • Singapore
  • Il-Ġappun
  • L-Iran
  • Il-Korea t’Isfel
  • L-Italja ta’ Fuq – Il-Lombardija, Piedmont, Veneto u Emilia-Romagna

Fil-post tiegħu it-tabib ta lista ta’ miżuri li wieħed jista’ jieħu għal iġene bażika. Dawn jinkludu:

  • Ħasil tal-idejn bis-sapun u ilma jew l-użu ta’ alcohol hand rub
  • Jekk ma tiflaħx, ibqa’ d-dar; tmurx għax-xogħol, l-iskola jew f’postijiet pubbliċi sakemm tħossok aħjar
  • Iżżurx pazjenti fl-isptar jekk ma tiflaħx
  • Uża tissue jew il-minkeb biex tgħatti ħalqek u mnieħrek meta tgħatas jew tisgħol