Coronavirus: Il-cruise liner mhux se jidħol f’Malta

Aġġornat 11:04 AM
MSC Cruises

Read in English.

Il-Gvern Malti għadu kif ħabbar li ntlaħaq ftehim bejnu u bejn MSC Cruises, biex il-cruise liner ma jidħolx Malta. Dan wara li t-tobba qalu li se jmorru fuq azzjoni industrijali jekk il-vapur jitħalla jidħol.

Fi stqarrija l-Gvern qal li din id-deċiżjoni ttieħdet wara li nħoloq allarm pubbliku minħabba informazzjoni ‘li tqarraq’ li nxterdet fil-midja.

Il-Gvern saħaq li skont informazzjoni li rċieva m’hemm l-ebda każ ta’ coronavirus abbord il-cruiseliner. Minkejja dan, xorta ntlaħaq ftehim li dan ma jidħolx biex jiġi evitat tħassib fost il-pubbliku.

L-istqarrija ttemm b’appell għal responsabbiltà u maturità fl-istqarrijiet li jsiru b’rabta mal-coronavirus.

Coronavirus: Tobba b’azzjoni industrijali jekk jidħol il-cruise liner – MAM

It-tobba se jmorru fuq azzjoni industrijali jekk jidħol il-cruise liner MSC Opera f’Malta, skont il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM).

Il-President tal-MAM Martin Balzan qal lil Newsbook.com.mt li r-riskju għal Malta jekk jidħol l-MSC Opera huwa “kbira ħafna” minħabba l-coronavirus. Nhar l-Erbgħa l-passiġġieri fuq il-vapur inżammew fi kwarantina wara li eks passiġġier ħariġlu riżultat pożittiv għall-COVID-19. Il-vapur inżamm fi kwarantina temporanjament fil-Greċja.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa dwar is-sitwazzjoni. Din insistiet li l-mistoqsijiet għandhom jintbagħtu b’imejl. Il-kelliema mbagħad qatgħet il-linja tat-telefon.

Balzan qal li dalgħodu l-informazzjoni li kellu kienet li l-vapur ma kienx ingħata permess jidħol Malta. Għal xi raġuni wara sar jaf li l-vapur xorta kien se jidħol Malta minkejja t-tħassib minħabba l-COVID-19.

Balzan qal li informazzjoni mill-GPS tal-vapur turi li dan huwa fi triqtu lejn Malta. Dan jaqbel mal-informazzjoni tas-sit Marine Traffic.

L-MSC Opera qed ibaħħar lejn Malta – Marine Traffic

Skont is-sit tal-MSC Cruises, il-MSC Opera jiflaħ 2,679 passiġġieri.

Malta jkollha bżonn l-għajnuna internazzjonali – MAM

Martin Balzan qal lil Newsbook.com.mt li jekk jidħlu ħafna każijiet ta’ mard minħabba dan il-vapur Malta jkollha titlob l-għajnuna minn barra.

“Ġennata jekk il-cruiseliner jitħalla jidħol Malta” – MUMN

Paul Pace f’isem l-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qal li jekk il-cruiseliner jitħalla jidħol f’Malta din tkun “ġennata”. Żied jgħid li filwaqt li l-Ingilterra għadha kif iddikjarat li l-coronavirus beda jinfirex, Malta qed tikkunsidra li ddaħħal passiġġieri li qegħdin fuq vapur li fuqu kien hemm passiġġier li rriżulta fil-pożittiv fuq il-coronavirus. Pace insista li ħadd mhu qed jagħti widen saħħet in-nies u dik tal-infermiera. Stqarr li sfortunatament id-deċiżjonijiet dwar jekk jidħolx il-vapur mhux jittieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika jew tal-Ministeru għas-Saħħa, imma mill-Gvern ċentrali.

“Il-Gvern ikun injora r-rakkomandazzjonijiet tal-WHO” – Grech Mintoff

Minn naħa tiegħu Ivan Grech Mintoff qal li l-cruiseliner jinsab fi triqtu lejn Malta u mistenni jasal għall-ħabta tas-6pm. Saħaq li l-Gvern għandu jagħti messaġġ ċar u finali li l-ewwel is-saħħa tal-poplu Malti. Fi kliemu, jekk il-Gvern iħalli l-cruiseliner jidħol il-Gvern ikun injora r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).