Coronavirus: Screening fuq il-passiġġieri kollha fl-ajruport dalwaqt

Read in English.

Mill-ġimgħa d-dieħla se jibda jsir screeninig fuq il-passiġġieri kollha li jinżlu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minħabba l-coronavirus, skont il-Gvern.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li matul il-ġimgħa d-dieħa li se jiġu installati thermal screening cameras. Kull passiġġier li jinżel fl-ajruport se jkun qed jiġi screened minħabba l-virus, COVID-2019. Thermal screening huwa mod ta’ screening għal massa ta’ nies li jgħaddu minn punt ta’ dħul. Kull persuna li tiġi indentifikata li għandha d-deni se tiġi assessjata.

Se jsir ukoll thermal screening fit-terminals tal-cruise liners u tal-catamaran.

S’issa kien hemm żewġ każijiet suspettati ta’ COVID-2019 f’Malta. Wara li saru t-testijiet, irriżultaw fin-negattiv. Hemm tliet persuni li jinsabu fi kwarantina wara li seta’ kellhom kuntatt ma’ persuna li għandha l-virus fuq il-cruise liner Westerdam. It-tliet persuni s’issa għadhom bla sintomi.

Il-Ministeru għas-Saħħa qal li l-awtoritajiet qed jimplimentaw l-azzjonijiet kollha neċessarji minħabba l-COVID-19.

“Fid-dawl tal-firxa mistennija li taffettwa pajjiżi oħra apparti miċ-Ċina inkluż pajjiżi Ewropej, l-awtoritajiet kienu nedew screening fuq il-passiġġieri kollha ġejjin minn pajjiżi affettwati. Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Italja, l-iscreening qed jitjieb permezz tal-introduzzjoni tat-thermal screening fil-puntijiet tad-dħul,” qal il-Ministeru.

Helpline għall-coronavirus

L-awtoritajiet tas-saħħa qed jappellaw għall-kooperazzjoni mill-pubbliku għall-iscreening tan-nies. Fakkru fil-helpline 21324086.

Wieħed jista’ wkoll jagħmel kuntatt mat-tabib tiegħu jekk ikunu marru lejn xi post affettwat mill-COVID-2019 u jkollhom xi sintomi respiratorji f’14-il ġurnata minn meta jkunu ġew lura. Dawn inl-persuni m’għandhomx imorru direttament lejn iċ-ċentri tas-saħħa jew l-isptar.

Kien hemm paniku fir-reġuni ta’ fuq tal-Italja hekk kif żewġ persuni mietu kawża tal-coronavirus f’żewġ reġjuni differenti. B’kollox kien hemm 29 dawk infettati b’dan il-virus fl-Italja, bil-maġġor parti tal-każijiet huma fir-reġjun tal-Lombardia jew il-Veneto.

L-awtoritajiet taċ-Ċina qalu li l-coronavirus infetta mijiet ta’ persuni fil-ħabsijiet tagħhom. Skont ir-Reuters, dan wassal għal qabża fin-numru ta’ każijiet tal-coronavirus (COVID-2019) irrappurtati fl-epiċentru tal-provinċja Hubei, inkluż 100 oħra fil-Korea t’Isfel.

Fil-bidu ta’ Frar, Newsbook.com.mt kien żvela li f’Malta sar l-ewwel test minħabba l-coronavirus. Dan it-test irriżulta fin-negattiv. Iċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għall-Mediċina l-Professur Anthony Serracino-Inglott qal li l-biża’ dwar dan il-virus ġejja mill-fatt li wieħed ma jafx x’inhu.