Coronavirus: “Qed iżommu l-pjanijiet sigrieti”; L-MUMN b’direttiva għall-infermiera

Aġġornat 01:56 PM

Read in English.

L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ħarġet direttiva għall-membri tagħha biex ma jdewwux pazjenti bil-coronavirus jekk dan jgħolli rasu f’Malta, peress li l-infermiera ma ngħataw l-ebda struzzjonijiet ta’ kif għandhom idewwu lil dawn il-pazjenti.

Saħqet li l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin jostru l-pjanijiet ta’ tħejjija għall-coronavirus f’Malta, b’riżultat li l-infermiera li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei ma jafux min se jieħu ħsieb il-pazjenti jekk ifeġġ dan il-virus f’Malta, u kif, peress li ma ngħataw l-ebda taħriġ fuq dan. L-MUMN qalet li l-infermiera lanqas ma jafu liema swali fl-isptar se jospitaw lil pazjenti bil-virus f’każ ta’ bżonn.

Għaldaqstant, hija talbet li jingħataw inċentivi speċjali u li tinħareġ Expression of Interest (EOI) għall-infermiera fl-eventwalità li dawn ikollhom jagħtu trattament lil pazjenti tal-virus.

L-Unjin qalet li hi stenniet li jkun hemm taħriġ, protokol u tħejjija speċjali għall-eventwalità li jitfaċċa dan il-virus fil-Gżejjer Maltin. Minħabba dan in-nuqqas, l-Unjin avżat lill-membri tagħha biex jekk ma jingħatawx taħriġ, huma ma jdurux b’pazjenti bil-coronavirus.

Illum tħabbar l-ewwel każ tal-coronavirus fi Sqallija, filwaqt li fl-Italja s’issa mietu seba’ persuni minħabba dan il-virus.

Intant, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li fiha offra l-għajnuna u l-appoġġ kollu meħtieġ lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jiġġieldu dan il-virus.

Il-PN ħeġġeġ lill-Gvern biex iżomm lill-Maltin infurmati bl-iżviluppi li jseħħu u biex jalloka r-riżorsi meħtieġa lill-pubbliku.