Coronavirus: Prof Ġappuniż jiċħad aħbar li l-virus magħmul mill-bnedmin

Ir-rebbieħ tal-Premju Nobel il-Professur Tasuku Honjo ċaħad li xi darba qal li l-coronavirus mhux virus naturali iżda virus li ġie maħdum mill-bnedmin.  Din il-kitba li qiegħda xxerred aħbar falza dwar Honjo qiegħda ddur fil-Gżejjer Maltin ukoll permezz tal-medja soċjali.

Il-kitba li qiegħda ddur fuq il-midja soċjali tgħid li, li kieku dan il-virus huwa naturali kieku kien ikun affettwat mit-temperatura ta’ diversi pajjiżi. L-artiklu jgħid ukoll li l-professur ħadem fil-laboratorju ta’ Wuhan fiċ-Ċina u huwa familjari mal-ħaddiema ta’ dan il-laboratorju.

Ikompli li l-Professur qal li prova jagħmel kuntatt mal-ħaddiema tal-laboratorju iżda ma rnexxielux ikellimhom u qiegħed jassumi li mietu kollha. L-artiklu li qiegħed idur jgħid ukoll li l-professur jinsab ċert f’dak li qiegħed jgħid u jsostni li jekk isibu li mhux vera anke wara mewtu jittiħidlu l-Premju Nobel. Dan l-artiklu ġie mxerred aktar minn 10,000 darba f’Mejju mxerred f’aktar minn 400 grupp u paġni fuq Facebook.

Il-Professur Tasuku Honjo ċaħad dan u qal li dan huwa akkużi foloz u informazzjoni żbaljata. Żied li huwa ddispjaċut li ntuża ismu u isem l-università ta’ Kyoto biex jinxterdu dawn l-akkużi foloz f’nofs din il-pandemija.