Coronavirus: Permess għall-quddies fil-Ġermanja, imma bla kant

FILE PHOTO: German Chancellor Angela Merkel gives a media statement after a video conference of EU leaders on the spread of the new coronavirus disease (COVID-19) in Berlin, Germany, April 23, 2020. Michel Kappeler/Pool via REUTERS

Wara li saru negozjati bejn il-Gvern Ġermaniż u l-mexxejja tal-Knejjes differenti fil-Ġermanja, intlaħaq ftehim biex il-quddies u ċelebrazzjonijiet oħra reliġjużi issa jistgħu jsiru.

Il-mexxejja tal-Knejjes laqgħu din l-aħbar. Qablu wkoll li jkun hemm regoli stretti li huma intiżi biex jipprevjenu infezzjonijiet tal-coronavirus.

Dawn ir-regoli qed jiġu addottati għal dik li qed jiġi deskritta bħala ‘n-normalalità l-ġdida’.

Il-mexxejja reliġjużi kienu appoġġjaw il-projbizzjoni tas-servizzi minn meta beda l-lockdown f’nofs Marzu. Però, kien hemm komunità Kattolika f’Berlin li tellgħet il-Gvern il-Qorti minħabba din il-miżura.

Il-pressjoni biex jinfetħu l-Knejjes żdiedet wara li l-Gvern ddeċieda li jippermetti l-ftuħ ta’ ħwienet żgħar, ħwienet tar-roti, car washes, u negozji oħra. Xi mexxejja reliġjużi qalu li għal ħafna Ġermaniżi li jieħdu ħsieb ir-ruħ spiritwali tagħhom kienet imporanti għalihom daqs ix-xiri.

Aktar kmieni din il-Ġimgħa, il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel iltaqgħet mal-mexxejja tas-16-il stat tal-pajjiż biex jikkoordinaw sett ta’ regoli għall-pajjiż sħiħ. Merkel, li missiera kien pastor, ta’ sikwit tmur il-knisja.

Social distancing fil-knejjes

Skont regoli ġodda, dawk li jmorru l-knisja se jkollhom iżommu distanza ta’ żewġ metri bejn xulxin. In-numru ta’ nies totali li jistgħu jidħlu se jkun ristrett.

Mhux se jsir il-kant waqt il-quddies. Epidemjoloġisti qalu li waqt il-kant, qtar bil-virus jista’ jinxtered ‘il bogħod. Ġie rrappurtat li 59 mit-78 kantant tal-kor tal-Katidral Protestant ta’ Berlin mardu bil-virus. F’Los Angeles, tliet kwarti mill-membri ta’ kor wieħed mardu filwaqt li mietu tnejn.

Il-Konferenza Episkopali Ġermaniża qalet li l-kant baxx u t-talb għandu jkun permessibbli jekk id-distanzi neċessarji jinżammu.

Il-qassisin iridu jilbsu maskra meta jkunu qed iqarbnu. It-tqarbin ma jsirx mill-id għall-ħalq.

Il-Gvern kien diġà ta permess għat-30,000 moskej u kmamar ta’ talb biex dawn jinfetħu waqt ix-xahar ta’ Ramadan. Madanakollu, l-ilbies tal-maskri baqa’ mandatorju għal meta persuna tidħol f’xi moskea. Kien permessibbli biss biex ikun hemm persuna waħda għal kull għaxar metri kwadri.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn