Coronavirus: Pazjenti f’Għawdex jintbagħtu Mater Dei – Steward

Ma jistgħux isiru testijiet għall-virus f'Għawdex

L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qal li pazjenti f’Għawdex li jkollhom il-coronavirus jintbagħtu l-isptar Mater Dei fil-maġġoranza tal-każijiet.

Kelliem għall-Steward International, il-kumpanija li tmexxi l-isptar Għawdxi, qal lil Newsbook.com.mt li jekk pazjent jittestja pożittiv għall-COVID-19, tidħol fis-seħħ miżura b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa.

Il-kelliem qal li l-isptar ta’ Għawdex m’għandux il-kapaċità li jagħmel it-testijiet għall-coronavirus. Il-kampjuni kollha minn każijiet suspettati jintbagħtu Mater Dei biex jiġu pproċessati hemm. Kull test jieħu madwar sagħtejn.

Skont il-kelliem, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed isegwi r-rakkomandazzjonijiet kollha dwar il-COVID-19 li jipprovdi d-Dipartiment tas-Saħħa. Żied jgħid li l-kumitat tal-hospital preparedness jiltaqa’ regolarment flimkien mal-imsieħba relevanti biex ingħataw l-aġġornament skont kif meħtieġ.

Ilbieraħ il-Gvern ħabbar li dawk il-persuni li qed ibatu minn infezzjoni respiratorja u li siefru lejn lista ta’ 20 pajjiż fl-aħħar 14-il jum għandhom iċemplu tabib minħabba l-coronavirus.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li ttestjar għal COVID-19 se jsir fuq pazjenti li qegħdin isoffru minn infezzjoni respiratorja bis-sogħla, deni, jew qtugħ ta’ nifs u li kienu f’wieħed mill-pajjiżi fejn hemm trażmissjoni lokali tal-COVID-19 matul l-aħħar 14-il jum.

Il-linja tal-ajru Ryanair ħabbret li se tħassar għadd ta’ titjiriet minn u lejn l-Italja minħabba l-coronavirus. Fi stqarrija, ir-Ryanair qalet li bdiet tgħarraf lill-passiġġieri li se tkun qed tnaqqas il-programm short haul tagħha sa 25% għal tliet ġimgħat. Dan il-perjodu se jibda fis-17 ta’ Marzu u jintemm fit-8 ta’ April.