Coronavirus: Pajjiżi jagħlqu l-fruntieri għal dawk ġejjin miċ-Ċina

Credit: Thomas Peter/Reuters via CNS.

Diversi pajjiżi madwar id-dinja qed jagħlqu l-fruntieri tagħhom għal persuni ġejjin miċ-Ċina hekk kif uffiċjali qed jaħdmu biex jikkontrollaw il-firxa tal-coronavirus.

Skont il-BBC, l-Istati Uniti u l-Awstralja qalu li se jipprojbixxu d-dħul ta’ kull persuna barranija li reċentament tkun żaret iċ-Ċina fejn feġġ il-virus f’Diċembru.

Qabel, pajjiżi inkluż ir-Russja, il-Ġappun, il-Pakistan, u l-Italja ħabbru restrizzjonijiet simili.

Madanakollu, uffiċjali mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) avżaw kontra miżuri bħal dawn. Qalu li restrizzjonijiet tal-ivjaġġar jaf jagħmlu aktar ħsara milli ġid billi jipprevjenu l-qsim tal-informazzjoni u t-tqassim ta’ mediċini.

Il-coronavirus ġie dikjarat bħala emerġenza globali mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa wara li l-marda qed tkompli tinfirex barra miċ-Ċina.