Coronavirus: Mhux kollox veru

Garlic

Il-mezzi soċjali huma bbumbardjati b’informazzjoni u filmati b’rabta mal-coronavirus. Imma kull ma qed jingħad hu veru? Sfortunatament il-pariri mediċi, anke minn dawk li ma jifhmux qed jingħataw il-ħin kollu.

It-tewm

Ħafna qed jgħidu li jekk wieħed jiekol it-tewm jeħles minn kull infezzjoni. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tgħid li għalkemm it-tewm huwa tajjeb għas-saħħa, m’hemmx provi li t-tewm jista’ jeħilsek mill-coronavirus.  Għalkemm minnu nnifsu mhux ħażin, l-esaġerazzjoni wasslet biex mara ttieħdet l-isptar minħabba infjammazzjoni fi griżmejha wara li kielet 1.5kg tewm nej.

Tixrob l-ilma kull kwarta

Fuq il-mezzi soċjali qed jiġi kkwotat “tabib Ġappuniż” li jirrakkomanda li wieħed jixrob l-ilma kull 15-il minuta biex jitnaddaf minn xi virus li jkun daħal f’ħalqu. Madanakollu, mill-ġdid, m’hemm l-ebda prova li turi li dan jgħin biex wieħed ma jlaqqatx il-coronavirus.

Mur fis-sħana, evita l-ġelat

Dan il-parir kellu diversi varjanti: ixrob ilma jaħraq, ħu banju sħun, uża l-hairdryer. Dan il-parir kien attribwit lill-UNICEF, il-Fond tan-Nazzjonijiet Magħquda għat-Tfal fid-Dinja, li jgħid li jekk wieħed ikun espost għax-xemx u jixrob ilma jaħraq joqtol il-coronavirus. L-istess UNICEF ikkwotata tgħid ukoll li l-ġelat għandu jiġi evitat għax kiesaħ.  Dawn il-pariri huma qarrieqa. Il-UNICEF ma ħarġet l-ebda pariri.