Read in English.
Fost il-każi ta’ Covid-19 rrappurtati riċentament, jirriżulta li kien hemm każ ta’ persuna li taħdem bħala marixxall tal-qorti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti, Frankie Mercieca, kkonferma dan fi tweġibiet li ta lil Newsbook.com.mt.
Mistoqsi dwar x’kienu l-miżuri li ttieħdu wara l-identifikazzjoni ta’ dan il-każ, Mercieca qal li l-persuna kien mitlub ma jmurx għax-xogħol wara li beda jħoss is-sintomi li normalment huma assoċjati mal-coronavirus.
L-awtoritajiet tas-saħħa bdew bil-proċeduri ta’ contact tracing b’mod immedjat, u żewġ persuni li kienu f’ kuntatt dirett mal-persuna pożittiva tpoġġew taħt kwarantina mandatorja.
Iż-żewġ marixxalli l-oħra kienu f’kuntatt mal-individwu kkonċernat fi ġranet differenti. Wieħed minnhom kellu kuntatt mal-persuna jumejn qabel li dan żviluppa s-sintomi. Fil-każ tal-marixxall l-ieħor, il-kuntatt kien sar jum qabel.
Mercieca spjega li l-Qorti ġiet diżinfettata darbtejn f’temp ta’ 24 siegħa wara li kienu jafu bil-każ.