Coronavirus: Maltin maqbuda fuq cruiseliner; ma tħalliex jitrakka f’5 pajjiżi

Read in English.

Żewġ persuni Maltin jinsabu fuq cruiseliner li ma tħalliex jitrakka f’diversi pajjiżi minħabba li l-persuni abbord setgħu kienu infettati bil-Coronavirus. Dan minkejja li ħadd mill-persuni abbord kienu infettati.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li jinsab infurmat li bħalissa hemm żewġ Maltin abbord l-MV Westerdam, li wara li għamel 11-il jum fid-dlam dwar liema pajjiż kien se joffrilu port, għada se jkun qed jitrakka fil-Kambodja. Il-cruiseliner telaq minn Hong Kong fl-1 ta’ Frar.

Il-Ministeru qal li jinsab f’kuntatt ma’ dawn iċ-ċittadini Maltin u l-qraba tagħhom u jinsab infurmat li huma siguri. Kompla jgħid li se jibqa’ jsegwi l-każ sabiex jara li ċ-ċittadini Maltin jirritornaw Malta qawwijin u sħaħ.

Il-Ministeru semma wkoll li ma hemm l-ebda ċittadin Malti abbord id-Diamond Princess li jinsab f’Yokohama fil-Ġappun.

It-Tajlandja kien il-ħames pajjiż li ma ħalliex lill-MV Westerdam jitrakka. L-operatur tal-cruiseliner, Holland American Line, qalet li l-ebda persuna abbord ma għandha l-Coronavirus. Hemm total ta’ 1,455 turist u 802 membri tal-ekwipaġġ. Dawn ġew irrifjutati port fit-Tajwan, fil-Ġappun, fil-Filippini u fi Guam. Minħabba f’hekk, il-cruiseliner għamel 11-il jum isalpa fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina.

Holland American Line qalet  li l-MV Westerdam issa qed isalpa lejn Sihanoukville fil-Kambodja. Hu se jkun qed jasal hemm il-Ħamis filgħodu. Il-kumpanija qalet li l-cruise kien se jintemm hemm u l-passiġġiera kienu se jintbagħtu lejn Phnom Penh permezz ta’ titjiriet u minn hemm jaqbdu titjiriet lejn pajjiżhom. Il-kumpanija rringrazzjat lill-awtoritajiet tal-Kambodja tas-sapport.