Coronavirus: “Malta għandha tippjana għall-agħar xenarju”

A passenger wearing a mask walks outside the Shanghai railway station in Shanghai, China, as the country is hit by an outbreak of the new coronavirus, February 8, 2020. REUTERS/Aly Song

Read in English.

Malta għandha tippjana għall-agħar xenarju possibbli b’rabta mal-coronavirus, skont il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji.

Fi stqarrija l-Kamra qalet li l-pjan ta’ Malta għandu jiġi ppubblikat biex kulħadd ikun moħħu mistrieħ. F’Malta s’issa ma ġewx reġistrati każijiet tal-COVID-2019.

Il-Kamra qalet li l-membri tagħha rrappurtaw li l-konsumaturi żiedu x-xiri tagħhom minħabba dak li qed jiġri fl-Italja. Il-Kamra qalet li mhemmx lok għall-allarm.

Wara li tħabbar l-ewwel każ konfermat tal-coronavirus fi Sqallija llum, il-paniku fost il-Maltin żdied li l-virus wasal Malta. Dan il-paniku wassal biex l-ixkafef tas-supermarkets żvujtaw, hekk kif ħafna nies qegħdin jagħmlu xirja kbira f’każ li Malta tinħakem mill-coronavirus u jispiċċaw kwarantina.

Intqal li fl-aħħar ġimgħat l-Kamra rċeviet ammont ta’ mistoqsijiet minħabba l-coronavirus. Fosthom kien hemm mistoqsijiet minn kif wieħed jista’ jżomm ambjent san fuq il-post tax-xogħol u dwar ittardjar ta’ merkanzija minħabba l-virus li ġie miċ-Ċina.

Il-Kamra qalet li l-maġġoranza tal-prodotti fid-dinja jiġu miċ-Ċina fejn bħalissa hemm xkiel minħabba l-COVID-2019. Intqal li dan bilfors se jwassal għal dewmien ta’ prodotti biex jaslu Malta.

Il-Kamra qed tħeġġeġ lin-negozji biex jaħsbu minn qabel u biex javżaw lill-klijenti tagħhom bid-dewmien.

Ippubblikat ukoll linji gwida.

Intlaħaq qbil dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fil-Port Ħieles minħabba l-coronavirus. B’hekk żewġ vapuri li ma setgħux iniżżlu merkanzija Malta se jkunu jistgħu jiġu proċessati, skont il-Kap tal-UHM – Voice of the Workers.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella qal lil Newsbook.com.mt li saret laqgħa flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa u mal-Ministeru għat-Trasport fejn intlaħaq qbil dwar is-saħħa tal-ħaddiema tax-xatt. Intant għexieren ta’ nies kienu diġà laħqu xtraw aktar prodotti tal-ikel mis-soltu mill-ħwienet minħabba biża’ li qanqlet il-COVID-2019.