Coronavirus: Laqgħa għal dawk fis-settur turistiku għada

Aġġornat 11:14 AM
A passenger wearing a mask walks outside the Shanghai railway station in Shanghai, China, as the country is hit by an outbreak of the new coronavirus, February 8, 2020. REUTERS/Aly Song

Read in English.

Imsieħba ewlenin fil-qasam turistiku se jiltaqgħu għada biex jiddiskutu s-sitwazzjoni b’rabta mal-coronavirus, skont il-Ministeru għat-Turiżmu.

Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Turiżmu qal li minn għada se jibda jiltaqa’ l-kumitat magħmul mill-imsieħba ewlenin fl-industrija tat-turiżmu minħabba l-COVID-19.

Il-Ministeru qal li għandu jkun proattiv u mhux reattiv. Il-Kumitat hu magħmul minn numru ta’ stakeholders interni u esterni u għandu l-irwol li jiddiskuti u jirrakkomanda azzjonijiet meħtieġa f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kkonċernati.

“Filwaqt li lokalment mhemm l-ebda raġuni għall-allarm u s-sitwazzjoni tibqa’ wahda taħt kontroll u mingħajr każijiet irrappurtati, huwa prudenti li nibqgħu viġilanti f’termini ta’ moniteraġġ u fi stat ta’ tħejjija. Bla dubju l-Ministeru hu konxju li s-sitwazzjoni tista’ titlob għal deċiżjonijiet li jħallu impatt fuq l-ekonomija lokali, b’mod partikolari l-ivvjaġġar u l-industrija tat-turiżmu,” qal il-Ministeru.

Bżonn linji gwida għall-privat – UĦM

Fi stqarrija l-UĦM Voice of the Workers appellat lill-Gvern biex issir laqgħa urġenti fi ħdan l-Employment Relations Board (ERB) fejn hemm rappreżentanza tal-imsieħba soċjali. Il-UĦM trid li jitwaqqaf kumitat dwar il-COVID-19 magħmil mill-Gvern, rappreżentanti ta’ min iħaddem, u rappreżentanti mill-unjins.

Il-UĦM qalet li tinnota li l-Gvern ħareġ pożizzjoni tiegħu dwar il-quarantine leave għall-ħaddiema tas-settur pubbliku. Però qal li l-Gvern għandu joħroġ ukoll linji gwida ċari għall-ħaddiema fis-settur privat.

L-aħħar aġġornamenti dwar il-COVID-19

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-iscreening ma jindikax li xi ħadd għandu l-coronavirus jekk dan ikun għadu ma ħariġlux id-deni.

Għalhekk, filwaqt li t-thermal scanners huma effettivi biex jaqbdu min hu infettat b’dan il-virus, dwar dawk li jkun għadhom ma ħarġilhomx id-deni, mhu se jimmarka xejn. L-Organizzazzjoni spjegat li dan peress li nies infettati jdumu bejn jumejn u għaxart ijiem biex jimirdu u biex joħorġilhom id-deni.

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) ħarġet direttiva biex ma jsirux lezzjonijiet f’żewġ istituti tal-MCAST peress li dawn jinsabu bla ilma. Bħalissa, minħabba l-biża’ bil-coronavirus, kulħadd qed jiġi mħeġġeġ jaħsel idejh frekwentament.

Intant, xjentisti ħolqu mappa li turi fejn qed ikun hemm każijiet tal-coronavirus madwar id-dinja.