Coronavirus: L-istaff jista’ jiġi infettat qabel l-iscreening – tabib

Read in English.

It-tabib Frank Portelli sostna fuq Facebook li l-istaff tal-ajruport jinsab f’riskju li jilħaq jiġi infettat bil-coronavirus sakemm persuna tgħaddi mill-kontrolli tal-immigrazzjoni fejn qed isir l-iscreening.

L-iscreening għall-coronavirus fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed isir wara li l-passiġġieri jieqfu għand l-uffiċjali tal-immigrazzjoni. Dan ifisser li l-iscreening isir wara li l-passiġġieri jkunu għamlu kuntatt mal-ħaddiema tal-ajruport.

It-tabib Portelli qed jikkonferma dak li kienu qalu passiġġiera li waslu Malta ma’ Newsbook.com.mt. Il-passiġġiera osservaw li mal-wasla tagħhom f’Malta, sabu jilqagħhom strixxun bil-kliem Stop Novel Coronavirus.

L-iscreening fuq il-passiġġieri kollha li jaslu f’Malta beda min-nhar it-Tnejn. Dan qed isir permezz ta’ thermal screening cameras, tip ta’ screening għal massa ta’ nies li jgħaddu minn punt ta’ dħul. Kull persuna li tiġi identifikata li għandha d-deni se tiġi assessjata. Dan l-iscreening qed isir eżatt wara li l-uffiċjali tal-immigrazzjoni jipproċessaw il-passaporti ta’ kull min jasal Malta minn barra z-zona Schengen.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed inaddaf t-terminal aktar ta’ spiss bħala parti mill-ħidma tiegħu biex jiġġieled kontra l-coronavirus. Kelliema għall-MIA qalet lil Newsbook.com.mt li ġew installati wkoll aktar hand sanitisers madwar l-ajruport. It-tindif qed isir b’mod “ħafna aktar regolari”.

Intant illum, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne inkoraġġixxa lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipprepara dak kollu li hemm bżonn sabiex malli toħroġ it-titqiba tal-COVID-2019, tkun tista’ tixtriha immedjatament.