Coronavirus: l-akbar għadd f’ġimgħat jitħabbar illum

swabbing center

Sorsi infurmati tajjeb qalu lil Newsbook.com.mt li l-għadd ta’ każi ta’ coronavirus li nstabu l-bieraħ u li se jitħabbru illum hu mistenni li jkun l-akbar għadd għal numru ta’ ġimgħat. L-istess sorsi qalu li mistenni li jitħabbru 14-il każ ġdid.

L-istess sorsi komplew jgħidu lil Newsbook.com.mt li l-biċċa l-kbira tal-każijiet ġejjin minn żewġ clusters. Dawn huma l-cluster tal-party li sar f’lukanda f’San Ġiljan u cluster ieħor minn festa f’Għawdex.

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li huma ma ħarġux struzzjonijiet li min kien għall-marċ ta’ festa f’Għawdex għandu jmur għat-test. Madanakollu, Newsbook.com.mt huma infurmat illi fost dawk li kienu għall-marċ ġriet il-kelma biex imorru għat-test.

Irridu nibqgħu prudenti – Fearne

Fuq 103 il-Ministru Fearne qal li jinsab kunfidenti li l-cluster li nħoloq minn numru ta’ każijiet relatati mal-party tar-Radisson Blu se jiġi kkontrollat kif seħħ f’każijiet simili. Fearne qal li huwa jappella għall-kawtela u r-responsabbilità.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qed tappella mill-ġdid għall-kawtela filwaqt li saħqet li l-messaġġ koerenti għandu jkun li wieħed jevita attivitajiet tal-massa, jieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni u jekk ikun hemm indikazzjoni ta’ sintomi wieħed iċempel mill-ewwel 111.

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103, Prof. Gauci saħqet li “irridu nibqgħu naħdmu flimkien għax kulħadd għandu kontribut x’jagħmel. Huwa kruċjali li l-messaġġ  ikun wieħed koerenti u dejjem l-istess biex il-poplu jkun jaf is-sitwazzjoni kif inhi, jieħu l-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu u josservahom”.