Coronavirus: L-ajruport “qed jitnaddaf” aktar spiss

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed inaddaf t-terminal aktar ta’ spiss bħala parti mill-ħidma tiegħu biex jiġġieled kontra l-coronavirus.

Kelliema għall-MIA qalet lil Newsbook.com.mt li ġew installati wkoll aktar hand sanitisers madwar l-ajruport. It-tindif qed isir b’mod “ħafna aktar regolari”. L-ajruport huwa wieħed mill-punti tad-dħul ewlenin f’Malta minn fejn jista’ jidħol il-COVID-19. Sal-bieraħ kienu għadhom ma ġewx reġistrati każijiet ta’ dan il-virus f’Malta.

L-MIA qed iqassam ukoll fuljett informattiv lill-ħaddiema tiegħu.

“Dan il-fuljett jinkludi informazzjoni dwar kif wieħed għandu jipproċedi f’każ li jiltaqa ma’ passiġġieri li jkollhom is-sintomi tal-virus kif ukoll il-linji gwida tad-WHO dwar kif wieħed jista’ jżomm l-ogħla livelli ta’ iġjene sabiex jillimita l-esponiment tiegħu u ta’ persuni oħrajn għall-virus,” qalet il-kelliema.

Fl-ajruport qed isir screening fuq il-passiġġieri permezz ta’ thermal imaging cameras.

Newsbook.com.mt staqsa jekk l-ajruport rax xi tibdil fl-istil jew fin-numru ta’ movimenti fl-ajruport minħabba l-COVID-19. Il-kelliema qalet li s’issa għadu ma ġie osservat l-ebda impatt f’dan ir-rigward.

Maskri out-of-stock

Il-Kamra tal-Ispiżjara qalet lil Newsbook.com.mt li għadd ta’ spiżeriji qed isibu diffikultà biex isibu maskri. Dan għaliex l-aġenti lokali u barranin ma fadallomx provvista ta’ maskri.

Il-Kamra qalet ukoll li fl-ispiżeriji lokali żdiedet id-domanda għal prodotti sanitising.

L-awtoritajiet tas-saħħa ma jafux kemm hemm nies fi kwarantina f’darhom, skont is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

Ilbieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-coronavirus Gauci qalet li s’issa mhemmx każijiet ta’ COVID-19 f’Malta.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal li ttieħdu 22 swabs għall-COVID-19 li kollha rriżultaw fin-negattiv. L-awtoritajiet qegħdin f’kuntatt kuljum ma’ tliet persuni li qegħdin fi kwarantina. Dawn it-tliet persuni kienu fuq cruiseliner li fuqu kien hemm persuna marida bil-COVID-19. Prof. Gauci ħabbret ukoll li se jkun qed jingħata quarantine leave fis-servizz pubbliku.