Coronavirus: L-Air Malta tbiddel l-iskeda tat-titjiriet lejn l-Italja

Malta International Airport plc

Read in English.

L-Air Malta qed tbiddel l-iskeda tat-titjiriet tagħha minħabba l-coronavirus, speċjalment fir-rotot Taljani.

Fi stqarrija l-Air Malta ħabbret għadd ta’ skemi speċjali għall-passiġġieri hekk kif is-sitwazzjoni dwar il-COVID-19 qed tevolvi kontinwament.

Kelliem għall-linja tal-ajru Maltija qal li qed isiru bidliet fl-iskeda tal-Air Malta. “Jekk ikun hemm bżonn sejra tħabbar bidliet ulterjuri,” qal il-kelliem.

L-Air Malta nediet ukoll għadd ta’ inizjattivi temporanji minħabba l-COVID-19.

Dawk li bbukkjaw titjira tal-Air Malta qabel illum jistgħu jibdlu d-data tal-ivvjaġġar u d-destinazzjoni tagħhom għal €10 għal kull passiġġier u kull titjira, flimkien mad-differenzi applikabbli tan-noll u ttaxxi. Dan huwa validu għal nollijiet ta’ Go Light u Go Smart biss. Il-konsumaturi jirdu jikkonfermaw il-bidliet sal-31 ta’ Marzu 2020 u l-ivjaġġar kollu jrid iseħħ sal-31 ta’ Diċembru 2020. Dawn l-iskemi t’hawn fuq mhumiex applikabbli għal dawk li diġà bidlu jew ikkanċellaw l-itinerarju tagħhom qabel din il-komunikazzjoni.

Il-konsumaturi li jibbukkjaw titjiriet tal-Air Malta mil-lum fuq Go Light u Go Smart se jkollhom il-flessibbiltà li jagħmlu bidliet fl-itinerarju tagħhom jew li jitolbu rifużjoni tal-biljett. Dawn il-bidliet se jkunu disponibbli għal €10 għal kull passiġġier u kull titjira  flimkien ma’ kwalunkwe differenza fin-noll u fit-taxxi għal dawk li jagħżlu li jagħmlu bidliet fl-itinerarju. Kwalunkwe talba trid tiġi nnotifikata lil-linja tal-ajru mill-inqas 30 jum qabel id-data tat-tluq oriġinali tal-ewwel titjira, inkella japplikaw it-termini u l-kundizzjonijiet normali tal-biljetti. L-ivvjaġġar kollu jrid isir sal-31 ta’ Diċembru 2020. Ma saret l-ebda bidla lil kwalunkwe kundizzjoni oħra relatata man-noll tal-biljetti.

L-Air Malta qalet li l-konsumaturi li jixtiequ jagħmlu użu minn dawn l-għażliet huma ġentilment mitluba jikkuntattjaw liċ-ċentru telefoniku tal-linja tal-ajru fuq +356 2166 2211 (u jagħżlu għażla 8) jew lill-uffiċċju tal-bejgħ tallinja tal-ajru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

It-Tnejn li għadda l-linja tal-ajru Ryanair ħabbret li se tħassar għadd ta’ titjiriet minn u lejn l-Italja minħabba l-coronavirus.