Coronavirus: Jitħalla jittrakka fil-Kambodja l-cruiseliner bil-Maltin

Cruiseliner li tħalla mitluq barra mix-xatt minħabba ċans li l-passiġġiera kienu infettati bil-coronavirus, tħalla jidħol fil-Kambodja.

L-MS Westerdam ma ngħatax permess li jidħol f’ħames portijiet differenti madwar l-Ażja dawn l-aħħar jiem.

Fil-Ġappun hemm vapur ieħor tal-istess xorta li qiegħed kwarantina minħabba li hemm aktar minn 200 persuna infettata. Iżda l-Westerdam li għandu abbord 2,000 persuna, m’għandu fuq lil ħadd infettat.

Vapur navali Tajlandiż eskorta l-vapur mill-Golf tat-Tajlandja. Minn hemm, il-vapur qabad triqtu lejn il-Kambodja. Aktar kmieni llum, il-vapur wasal ġewwa l-port ta’ Sihanoukville.

Il-vapur kien telaq bil-passiġġieri minn Hong Kong nhar l-1 ta’ Frar b’total ta’ 1,455 passiġġier u 802 membru tal-ekwipaġġ.