Coronavirus: Jintlaħaq qbil fil-Port Ħieles; il-merkanzija tidħol Malta

Intlaħaq qbil dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fil-Port Ħieles minħabba l-coronavirus. B’hekk żewġ vapuri li ma setgħux iniżżlu merkanzija Malta se jkunu jistgħu jiġu proċessati, skont il-Kap tal-UHM – Voice of the Workers.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella qal lil Newsbook.com.mt li saret laqgħa flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa u mal-Ministeru għat-Trasport fejn intlaħaq qbil dwar is-saħħa tal-ħaddiema tax-xatt. Intant għexieren ta’ nies kienu diġà laħqu xtraw aktar prodotti tal-ikel mis-soltu mill-ħwienet minħabba biża’ li qanqlet il-COVID-2019.

Skont Vella tobba se jkunu qed jiċċerfikaw li membri tal-ekwipaġġ tal-vapuri jkunu b’saħħithom u li ma jkunx hemm periklu għall-ħaddiema tal-port. Vella qal li din mhix biss kwistjoni tas-saħħa tal-ħaddiema tiegħu imma kwistjoni tas-saħħa tal-pubbliku Malti kollu.

Għalfejn kien se jkun hemm problema?

Vella qal li żewġ vapuri kienu mwaħħlin fil-port għaliex il-ħaddiema ġew ordnati ma jitilghħux fuqhom biex itellgħu u jniżżlu l-merkanzija. Qal li l-unjin riedet li tabib jew mediku jitla’ fuq il-vapur biex jiċċertifika li l-ekwipaġġ ma jkunx marid. Skont Vella, l-awtoritajiet tas-saħħa ma ridux li tidħol fis-seħħ proċedura bħal din. Vella qal li kienu qed jitolbu għal roster ta’ sitt tobba biss.

Ilbieraħ il-Malta Dockers Union, l-unjin għall-Ħaddiema tax-Xatt qed tordna lill-membri tagħha biex ħadd ma jitla’ fuq bastimenti li se jidħlu fil-portijiet Maltin.

Matul il-ġurnata tat-Tnejn ġie rrappurtat li l-ħaddiema tax-Xatt fil-Port il-Kbir waqqfu l-operazzjonijiet fuq il-bastimenti mill-Italja – fejn ġew irreġistrati numru ta’ mwiet minħabba l-coronavirus. Barra minn hekk, dawk li jieħdu ħsieb il-merkanzija tal-port mill-inħawi ta’ Raħal Ġdid u l-Belt Valletta, ilmentaw minn nuqqas ta’ staff mediku li jkun jista’ jaċċerta s-sigurtà tal-bastimenti li jkunu qed jittrasportaw il-merkanzija mill-Italja.

Illum ġiet organizzata konferenza tal-aħbarijiet mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19. Fiha intqal li l-ħaddiema tal-Port Ħieles m’għandhomx għalfejn jinkwetaw.

Wara li tħabbar l-ewwel każ konfermat tal-coronavirus fi Sqallija llum, il-paniku fost il-Maltin żdied li l-virus wasal Malta. Dan il-paniku wassal biex l-ixkafef tas-supermarkets żvujtaw, hekk kif ħafna nies qegħdin jagħmlu xirja kbira f’każ li Malta tinħakem mill-coronavirus u jispiċċaw kwarantina.

Filmat: Miguela Xuereb