Coronavirus: Jieqfu l-lezzjonijiet fl-MCAST tal-Mosta għax m’hemmx ilma

Aġġornat 01:49 PM
Google Maps

Il-lezzjonijiet fl-istitut tal-MCAST tal-Mosta waqfu għaliex m’hemmx provvista tal-ilma fil-bini.

Dalgħodu l-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) ħarġet direttiva lill-gradi tagħha kollha fl-Institute for the Creative Arts (ICA) biex ma jsirux lezzjonijiet mid-9am ‘il quddiem peress li m’hemmx ilma. Id-direttiva se tibqa’ fis-seħħ sakemm is-servizz tal-ilma jerġa’ jiġi lura għan-normal.

Fi stqarrija l-MUT qalet li d-direttiva tapplika wkoll fl-istituzzjonijiet l-oħra tal-MCAST fejn hemm l-istess sitwazzjoni.

“Kif l-MUT qalet diġà, hija inaċċettabbli li fl-MCAST hemm problema b’servizzi bażiċi ta’ provvista ta’ ilma u li l-MUT tistenna li s-sitwazzjoni tiġi solvuta immedjatament,” temmet tgħid l-istqarrija.

Newsbook.com.mt ipprova jċempel lill-ICA imma ħadd ma kien qed iwieġeb.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin bħalissa qed jenfasizzaw kontinwament fuq l-importanza tal-ħasil tal-idejn. Dan biex wieħed jiġġieled il-firxa tal-coronavirus li s’issa m’hemmx każijiet tiegħu f’Malta.

Fuq Facebook, il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) qal li hemm istitut sħiħ ta’ studenti fil-Mosta li qed jistennew għal-lezzjonijiet f’każ li jerġa’ jiġi l-ilma. “Dan mhux aċċettabli għall-istudenti,” qalet l-għaqda li tirrapreżenta lill-istudenti Għawdxin.

Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm każijiet simili f’xi skejjel primarji u f’żewġ istituti tal-MCAST.

Mal-ġurnata, fi stqarrija, l-MCAST spjega li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal għall-ħabta tas-1pm. Żied jgħid li ħadu l-miżuri kollha meħtieġa b’mod immedjat biex jimlew it-tankijiet kollha fl-istitut permezz ta’ bawżers. L-MCAST semma wkoll li fost miżuri oħra għal titjib fl-iġjene, il-ġimgħa li għaddiet, fl-MCAST ġew installati numru ta’ hand sanitisers biex jintużaw mill-membri tal-istaff u l-istudenti fl-istituti kollha.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li huwa importanti li skejjel jimplimentaw miżuri tal-ħasil tal-idejn.

L-MUT qed tordna wkoll lill-membri tagħha biex ma jipparteċipawx f’attivitajiet li jkunu fuq ġewwa li fihom ikun hemm aktar minn 30 persuna. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinkludu assemblies, quddies, u funzjonijiet oħra.