Coronavirus: Ir-Ryanair tħassar titjiriet minn u lejn l-Italja

Il-linja tal-ajru Ryanair ħabbret li se tħassar għadd ta’ titjiriet minn u lejn l-Italja minħabba l-coronavirus.

Fi stqarrija, ir-Ryanair qalet li llum bdiet tgħarraf lill-passiġġieri li se tkun qed tnaqqas il-programm short haul tagħha sa 25% għal tliet ġimgħat. Dan il-perjodu se jibda fis-17 ta’ Marzu u jintemm fit-8 ta’ April.

Ir-Ryanair qalet li fl-aħħar ġimgħa rat tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ bookings f’dak il-perjodu minħabba l-COVID-19. Żiedet tgħid li kien hemm żieda fin-numru ta’ passiġġieri li ma jmorrux għat-titjira tagħhom, l-aktar mill-Italja.

Ir-Ryanair qalet li qed issegwi l-linji gwida kollha tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u tal-EASA biex tassigura s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-passiġġieri tagħha.

Il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair Group Michael O’Leary qal li dawk il-passiġġieri affettwati se jiġu infurmati bit-tbidil mill-inqas 14-il ġurnata qabel it-titjira tagħhom.

Intant il-Gvern Malti ħabbar li dawk il-persuni li qed ibatu minn infezzjoni respiratorja u li siefru lejn lista ta’ 20 pajjiż fl-aħħar 14-il jum għandhom iċemplu tabib minħabba l-coronavirus. Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li ttestjar għal COVID-19 se jsir fuq pazjenti li qegħdin isoffru minn infezzjoni respiratorja bis-sogħla, deni, jew qtugħ ta’ nifs u li kienu f’wieħed mill-pajjiżi fejn hemm trażmissjoni lokali tal-COVID-19 matul l-aħħar 14-il jum.