Coronavirus: Ingliż infettat fuq vapur tal-passiġġieri

Ingliż huwa wieħed mill-64 passiġġier li rriżultaw pożittivi għall-coronavirus. Ir-raġel kien qiegħed fuq vapur tal-passiġġieri fil-Ġappun għall-qamar il-għasel. Dan ġie kokonfermat is-Sibt filgħodu. S’issa hemm madwar 31,400 persuna li rriżultaw pożittiv għal coronavirus.

Alan Steele kien jinsab kwarantina abbord il-vapur tal-passiġieri The Diamond Princess. Il-kumpanija qalet li l-aħħar persuni kkonfermati huma persuna mill-Arġentina, ħamsa mill-Awstralja, ħamsa mill-Kanada, 21 mill-Ġappun, persuna mill-Ingilterra u tmienja oħra mill-Istati Uniti tal-Amerika.

Il-viċi president tal-kumpanija tal-vapuri tal-passiġġieri qal li l-Ministru tas-saħħa bagħat aktar persuni biex jgħinu lit-team mediku abbord il-vapur.

Abbord il-vapur hemm 3,700 passiġġier u staff li se jibqgħu kwarantina għall-14-il ġurnata.

L-epidemija tal-coronavirus laħqet livelli ġodda hekk kif professjonaisti tas-saħħa qed jistmaw li l-imwiet se jkunu akbar minn dak tal-marda SARS. L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qed tirrapporta li l-għadd ta’ infezzjonijiet fiċ-Ċina qed jiżdied minn ġurnata għall-oħra.