Coronavirus: Imħeġġa jkellmu lill-ħaddiema fl-ajruport qabel l-iscreening

Read in English.

L-iscreening għall-coronavirus fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed isir wara li l-passiġġieri jieqfu għand l-uffiċjali tal-immigrazzjoni. Dan ifisser li l-iscreening isir wara li l-passiġġieri jkunu għamlu kuntatt mal-ħaddiema tal-ajruport.

Passiġġiera li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt osservaw li mal-wasla tagħhom f’Malta, sabu jilqagħhom strixxun bil-kliem Stop Novel Coronavirus. L-istess strixxun jappella lil dawk li vvjaġġaw miċ-Ċina fl-aħħar 14-il jum, biex jagħmlu kuntatt immedjatament mal-Uffiċjali tal-Immigrazzjoni jew l-Awtoritajiet tal-Ajruport.

Intant, is-Sibt il-Gvern ħabbar li minn din il-ġimgħa se jibda jsir screening fuq il-passiġġieri kollha li jaslu f’Malta. Dan permezz ta’ thermal screening cameras, tip ta’ screening għal massa ta’ nies li jgħaddu minn punt ta’ dħul. Kull persuna li tiġi identifikata li għandha d-deni se tiġi assessjata. Dan l-iscreening qed isir eżatt wara li l-uffiċjali tal-immigrazzjoni jipproċessaw il-passaporti ta’ kull min jasal Malta minn barra z-zona Schengen.

Intant, is-Central Procurement and Supplies Unit tellgħet dan il-filmat fuq il-mezzi soċjali:

Minbarra l-ajruport se jkun qed isir screening fit-terminals tal-cruiseliners u tal-katamaran.

Min ikollu xi tħassib dwar sintomi ta’ coronavirus jew ikun jeħtieġ aktar informazzjoni, jista’ jċempel fuq il-help line  21324086.