Coronavirus: Il-vapur jaf jidħol għada – it-tobba

Read in English.

Wara li l-Gvern qal li l-cruise liner MSC Opera ma kienx se jidħol Malta llum, it-tobba qalu li hemm possibilità li dan jidħol għada.

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-UĦM – Voice of the Workers qalu li min jgħid li l-cruise liner mhuwiex ta’ riskju qed ikun “irresponsabbli”. Qalu li d-deċiżjoni tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika biex il-vapur ma jidħolx kienet se tiġi injorata mill-Gvern.

Iż-żewġ entitajiet qalu li filwaqt li jilqgħu d-deċiżjoni tal-Gvern biex il-cruise liner ma jidħolx illum, qalu li din il-kwistjoni lanqas kellha tiġi kkunsidrata.

Fi stqarrija, l-MSC Cruises qalet li l-vapur se jmur lejn Messina fl-Italja l-Ħadd kif kien skedat.

Ftit qabel il-5pm il-Gvern qal li l-vapur ma kienx se jidħol Malta. Fl-istqarrija tiegħu l-Gvern attakka lil kamra tal-midja talli ppubblikat “nofs veritajiet”. Il-Gvern ma qalx għal min kien qed jirreferi.

“Riskju enormi”; “irresponsabbilita gravi bla preċedent”

“L-esperti mediċi kollha li ġew ikkonsultati jaqblu mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika li hemm ġustifikazzjoni valida biex jiġi evitat ir-riskju enormi u mhux neċessarju għall-popolazzjoni,” qalu l-MAM u l-UĦM.

Iż-żewġ entitajiet komplew jgħidu li l-istqarrija li dan il-vapur mhuwiex ta’ riskju għall-Maltin “m’għandu l-ebda validità xjentifika u jirrappreżenta irresponsabbilità gravi ta’ natura bla preċedent.”

Il-MAM u l-UĦM kienu wkoll sorpriżi li l-istqarrija dwar il-vapur ma ħarġitx mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika. Qalu li l-istqarrija tal-Gvern Laburista tikkonferma li d-deċiżjoni teknika mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika kienet se tiġi ddikjarata nulla.

Intqal ukoll li l-istqarrija tal-Gvern li d-deċiżjoni hija “esklussivament għall-okkażjoni tal-lum” tagħti l-possibilità li l-vapur se jitħalla jidħol Malta għada. Komplew jgħidu li dan huwa inkwetanti.

“F’dawn iċ-ċirkostanzi d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu u jiġu kkomunikati mis-Supretendent għas-Saħħa pubblika”, qalu l-MAM u l-UĦM.

It-tnejn temmew jgħidu li għadhom jemmnu li titjiriet minn żoni ta’ riskju għoli għandhom isiru biss biex jiġu lura residenti Maltin. Dawn imbagħad ikollhom ikunu fi kwarantina obbligatorja.

Tista’ taqra l-istqarrija sħiħa minn hawn:

Għall-5pm il-Gvern Malti ħabbar li ntlaħaq ftehim bejnu u bejn MSC Cruises, biex il-cruise liner ma jidħolx Malta. Dan wara li t-tobba qalu li se jmorru fuq azzjoni industrijali jekk il-vapur jitħalla jidħol.

Għat-8pm, is-sit Marine Traffic kien qed juri li d-destinazzjoni tal-MSC Opera xorta kienet Malta. Però l-cruise liner deher ibaħħar fid-direzzjoni opposta.

Marine Traffic

Fuq is-sit tal-MSC Cruises tħabbar li llum ġew aġġornati l-miżuri tal-prekawzjoni fuq il-cruise liners tal-kumpanija.

MSC Cruises