Coronavirus: Tqajmux paniku bla bżonn – UPE

Il-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) – Voice of the Workers saħqet li ilha ssegwi, u se tkompli ssegwi kif se jkomplu jiżvolġu l-avvenimenti rigward il-konferma riċenti tal-ewwel każ tal-COVID-19 f’Malta. L-Unjin qalet li għandha l-benesseri tal-għalliema tagħha f’qalbha u tixtieq tħeġġeġ lill-membri tagħha biex ma jqajmux paniku bla bżonn u ma jallarmawx ruħhom dwar il-kwisjoni.

Il-Ministeru għas-Saħħa assigura li qed jittieħdu miżuri preventivi u qalu li huma lesti li jaffaċċjaw is-sitwazzjoni. L-Unjin qalet li huwa għalhekk importanti li tkun ivverifikata kwalunkwe informazzjoni u li tittaffa biża’ żejda.

Fi stqarrija, l-Unjin qalet li min-naħa tagħha qed tiżgura li se tkun qed issegwi l-komunijazzjonijiet u l-istruzzjonijiet kollha li jaslu direttament mill-awtoritajiet tas-saħħa, biex tiżgura li miżuri u struzzjonijiet adegwati jinħarġu fil-pront jekk tinqala’ l-ħtieġa. Il-Membri qed ikunu mħeġġa jsegwu l-aġġornamenti tal-Unjin biex jiżguraw li huma konxji ta’ kwalunkwe istruzzjonijiet li jiġu mogħtija.

Il-Minister tas-Saħħa jista’ jintlaħaq fuq in-numru 111, fejn professjonisti fil-qasam jistgħu jgħinu u jiggwidaw lill-individwu fuq dan ir-rigward.

Hija saħqet li d-direttivi li ħarġet għall-edukaturi membri tagħha għadhom japplikaw.

  • Ma jassenjawx jew jikkoreġu xogħol tad-dar ta’ studenti li kienu ma jifilħux
  • Ma jattendux avvenimenti fejn ikun hemm rassa ta’ nies, bħall-quddies, cope sessions, SDPs jew assemblies
  • Jirrappurtaw lill-istudenti li juru sintomi ta’ riħ u ma jħalluhomx fil-klassi
  • Ma jaċċettawx fil-klassi lil studenti li ma kinux qed jattendu skola jew li ntbagħtu d-dar mill-iskola, sakemm ma jkollhom ċertifikat tat-tabib li jgħid li jifilħu biżżejjed biex jattendu l-iskola
  • LSEs ġew ordnati sabiex ma jaċċettawx ir-responsabbiltà li joqogħdu ma’ studenti li għandhom sintomi ta’ riħ sakemm dawn jistennew li jgħaddu għalihom il-ġenituri
  • L-edukaturi għandhom jitħallew jużaw ingwanti kirurġiċi meta jmissu materjal tal-istudenti jew apparat teknoloġiku tal-istudenti