Coronavirus: Il-Ħaddiema tax-Xatt ordnati ma jitilgħux fuq il-bastimenti

Read in English.

Il-Malta Dockers Union, l-unjin għall-Ħaddiema tax-Xatt qed tordna lill-membri tagħha biex ħadd ma jitla’ fuq bastimenti li se jidħlu fil-portijiet Maltin.

Fi stqarrija, l-unjin qalet li kienet kostretta li toħroġ direttiva minħabba li t-taħditiet għadhom għaddejjin mal-awtoritajiet tal-port kif ukoll mat-terminals u uffiċjali governattvi. It-taħditiet għandhom l-għan li jiġi aċċertat il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-membri tagħha.  L-unjin qed tinsisti li għandhom jittieħdu miżuri effettivi biex ikun aċċertat li kull bastiment li jidħol fil-portijiet ikun ħieles mill-coronavirus. Il-Malta Dockers Union trid li jkun tabib li jipprovdi l-garanziji neċessarji.

Matul il-ġurnata tat-Tnejn ġie rrappurtat li l-ħaddiema tax-Xatt fil-Port il-Kbir waqqfu l-operazzjonijiet fuq il-bastimenti mill-Italja – fejn ġew irreġistrati numru ta’ mwiet minħabba l-coronavirus. Barra minn hekk, dawk li jieħdu ħsieb il-merkanzija tal-port mill-inħawi ta’ Raħal Ġdid u l-Belt Valletta, ilmentaw minn nuqqas ta’ staff mediku li jkun jista’ jaċċerta s-sigurtà tal-bastimenti li jkunu qed jittrasportaw il-merkanzija mill-Italja.

Intant, mil-lum, ser jibda jsir screening fuq il-passiġġieri kollha li jaslu Malta bl-ajru jew bil-baħar. Dan l-iscreening qiegħed isir permess ta’ thermal cameras. Dawk li jirriżulta li għandhom id-deni, qed ikollhom joqogħdu għal iktar testijiet.

Sitt imwiet ġew irrappurtati fit-Tramuntana tal-Italja, li wassal biex jiġu sospiżi jew ikkanċellati diversi attivitajiet, fosthom partiti tal-futbol u anke l-Karnival ta’ Venezja.