Coronavirus: Il-GWU u l-UĦM iridu li l-ħaddiema fi kwarantina jitħallsu

REUTERS

Read in English.

Il-General Workers Union (GWU) u l-UĦM – Voice of the Workers iridu li l-ħaddiema tal-privat li jkunu fi kwarantina jibqgħu jitħallsu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU) Josef Bugeja qal lil Newsbook.com.mt li fis-settur privat diġà hemm diversi ftehimiet settorali li jkopru l-leave tal-kwarantina. Dan ikun bil-ħlas. Però fejn m’hemmx dan il-ftehim mhux se jaċċettaw li ħaddiema ma jitħallsux.

Bugeja spjega li jista’ jkun hemm każ ta’ impjegat li jsiefer fuq xogħol u meta jkun barra jkun hemm każijiet tal-coronavirus. Jista’ jkun li mbagħad ikollu jagħmel ġimagħtejn kwarantina f’daru. Il-GWU mhux se taċċetta li ħaddiem ma jitħallasx għal dawn l-14-il ġurnata. Bugeja qal li jekk dan il-leave ma jkunx bil-ħlas, wieħed ikun qed iħeġġeġ lill-ħaddiem biex imur għax-xogħol, bir-riskju li jmarrad nies oħra.

Bugeja qal ukoll li kull meta talbu għal hand sanitisers, maskri, u ingwanti fuq il-postijiet tax-xogħol s’issa ma sabux problemi biex min iħaddem jipprovdi dawn l-affarijiet.

Il-unjins se jkunu qed jiddiskutu s-sitwazzjoni b’rabta mal-COVID-19 f’laqgħa tal-MCESD il-Ħamis li ġej.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella qal ukoll li l-ħaddiema m’għandomx isofru minn qtugħ fil-pagi minħabba l-kwarantina. Spjega li filwaqt li n-nies qed jinkwetaw li ma jmurx tieqaf l-ekonomija tal-pajjiż, in-nies mhux qed jinkwetaw dwar il-waqfien tal-ekonomija tal-familji. Staqsa kif jista’ jkun li koppja titlef ġimagħtejn paga.

Vella qal li l-kwarantina m’għandhiex tkun għażla. Qal li jekk tkun suġġeriment, wieħed jista’ jagħżel li ma jieħdux. Qal ukoll li ħaddiem li jiddeċiedi li jieħu s-suġġeriment m’għandux jitlef ġimagħtejn paga bħala kastig.

Vella spjega li din is-sitwazzjoni mhix waħda li tagħmel distinzjoni bejn il-privat u ċ-ċivil. Qal li l-Gvern irid jieħu miżuri biex jipproteġi l-pajjiż sħiħ kontra l-coronavirus.

Intant, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) fi stqarrija appellat għal djalogu sensibbli. Enfasizzat li kemm hi, kif ukoll il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tal-SMEs u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Restoranti jittamaw li l-laqgħa tal-MCESD tal-5 ta’ Marzu ssir b’rieda tajba u minnha joħorġu rakkomandazzjonijiet li jipprevjenu t-tifri tal-COVID-19 u għaldaqstant tonqos il-ħsara ekonomika.

L-awtoritajiet tas-saħħa ma jafux kemm hemm nies fi kwarantina f’darhom, skont is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

Il-kwarantina li qed tiġi imposta mill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika minħabba l-coronavirus tmur kontra r-regoli tal-Public Service Management Code (PSMC). Dan qalitu l-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) f’komunikat mibgħut lill-membri tagħha. Il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha ċaħad din l-allegazzjoni.