Coronavirus: Ġenituri Maltin imħassbin; “l-ebda bżonn ta’ testijiet s’issa” – Prof. Gauci

Sa issa f’Malta ħadd għadu ma kellu bżonn jiġi ttestjat għall-coronavirus, virus li fl-aħħar sigħat feġġ ukoll fl-Italja u fl-Ingilterra. Dan skont Prof. Charmaine Gauci, is-Supretendent għad-Dipartiment tas-Saħħa.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Prof. Gauci propju wara li llum ġenituri mħassba bagħtu imejl fejn ġie allegat li kien hemm tifel li jattendi St Edward’s College, li riċentament siefer lejn iċ-Ċina.

Jidher li dan il-każ qajjem tħassib fost bosta ġenituri li widdbu lil uliedhom sabiex ma jilagħbux ma’ tfal li jattendu dan il-Kulleġġ. Min-naħa tiegħu, is-Surmast tal-Kulleġġ, N Mac an Bhaird qal li l-iskola infurmat lill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika bit-tifel li riċentament kien siefer lejn iċ-Ċina u li kellu xi problemi bin-nifs. Hu qal ukoll li ttieħdu l-miżuri neċessarji kollha. Fisser li nstab li t-tifel ma għandux sintomi li huma relatati mal-infezzjoni tal-coronavirus.

Intant, hi u titkellem ma’ Newsbook.com.mt, Dr Gauci qalet li l-persuni jiġu ttestjati skont is-sintomi li jkollhom u jekk ikunux żaru post fejn ikun hemm persuni infettati b’din il-marda.

Spjegat madankollu, li dawk li marru ċ-Ċina qegħdin jiġu mmoniterjati billi jitolbuhom jieħdu t-temperatura darbtejn kuljum, u billi jagħmlu kuntatt magħhom kuljum biex jaraw kif inhuma.

Minkejja dan, s’issa ma kienx hemm każijiet allarmanti biżżejjed biex jiġu ttestjati għall-coronavirus.

“Min hu responsabbli?” – ġenituri

F’email mibgħut lill-media, il-ġenituri “minn madwar Malta kollha” qalu li qed jistennew li l-Awtoritajiet tas-Saħħa jagħmlu testijiet fuq dawk kollha li waslu Malta f’Jannar u li kienu ġejjin miż-żoni milquta fiċ-Ċina, inkluż lil dan it-tifel u lill-familja tiegħu.

Minkejja dan qalu li jiddispjaċihom għall-istress u t-trawma li spiċċaw suġġett tagħha t-tifel u l-familja tiegħu. Qalu li dan sempliċiment għax id-Dipartiment tas-Saħħa ma għamilx it-testijiet neċessarji biex iserraħ moħħ dawk ta’ madwarhom.

“Lit-tifel qasmulu qalbu” – is-Surmast

Is-Surmast tal-iskola widdeb lill-ġenituri u sostna li t-tħassib li qajmu l-ġenituri kkawżaw qsim il-qalb lit-tifel għal jumejn fuq xulxin. Insista li sa mill-bidu nett li żviluppat din is-sitwazzjoni hu ra li jżomm lill-ġenituri aġġornati b’dak li kien qed jiġri. Qal li għalhekk ma jistax jifhem għaliex il-ġenituri wasslu sabiex jissuġġerixxu li wliedhom jeżiljaw lil dan it-tifel u lil tfal oħra li jattendu l-istess skola. Insista li ta’ dan, il-ġenituri messhom jistħu.