Coronavirus: “F’Għawdex għadu ma nstab l-ebda każ” – Ministeru

Read in English.

Il-Ministeru għal Għawdex stqarr li sa issa l-ebda persuna ma rriżultat li ġiet infettata bil-coronavirus f’Għawdex. Fi stqarrija li ħarġet wara li tħabbar li f’Malta ġie rreġistrat l-ewwel każ, il-Ministeru għal Għawdex spjega kif jekk persuna tkun infettata f’Għawdex, se tittieħed lejn Malta.

Fl-eventwalità li pazjent f’Għawdex jirriżultà pożittiv, diġà tħejja protocol sabiex il-pazjent ikun jista’ jiġi trasportat lejn Malta b’mod sigur, kemm għall-pazjent, għall-ħaddiema, kif ukoll għall-pubbliku.

Il-Ministeru ħeġġeġ li min jaħseb li għandu s-sintomi għandu joqgħod id-dar u jċempel 111 u jsegwi l-istruzzjonijiet mogħtija lilu mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.

Il-Ministeru spjega kif il-Gozo Channel kien qed jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex ikun żgur li l-vajrus ma jkomplix jinxtered. Numru ta’ handsanitizers ġew installati fit-terminali u l-bastimenti. L-ekwipaġġ ingħata wkoll istruzzjonijiet biex ma jużax l-arja kondizzjonata u minflok jiftaħ il-bibien biex jippermetti l-arja naturali tiċċirkola.