Coronavirus: Fearne jitlob biex il-KE tipprepara għall-eventwalità tat-titqiba

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne inkoraġġixxa lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipprepara dak kollu li hemm bżonn sabiex malli toħroġ it-titqiba tal-COVID-2019, tkun tista’ tixtriha immedjatament.

Dan ħareġ fi stqarrija mibgħuta mill-Ministeru għas-Saħħa kmieni dalgħodu. Fearne iltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Stella Kyriakides, waqt laqgħa dwar kif l-Istati Membri jistgħu jikooperaw aħjar dwar il-coronavirus, fost suġġetti oħrajn.

Waqt il-laqgħa Fearne spjega l-inizjattivi u l-miżuri li qed tieħu Malta sabiex tassigura li l-virus ma jinfirixx. Spjega li Malta huwa wieħed mill-ftit stati membri li sa issa għadu ma tfaċċax virus fi ħdanhom. Bħalissa, il-Kummissjoni Ewropea qed iżżomm kuntatt mal-istati membri tagħha sabiex tikkoordina attivitajiet preparatorji u tiffaċilità t-tixrid tal-informazzjoni qalb l-istati membri. Dan qed isir permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa.

Din il-koordinazzjoni qed tassigura li kull tip ta’ informazzjoni miġbura dwar il-każi li hemm fl-Italja, tiġi mqassma mal-Istati Membri.

Il-Kummissarju Kyriakides se tkun qed iżżur Malta fil-Ħarifa ta’ din is-sena.