Coronavirus: Bżonn azzjoni, l-ewwel is-saħħa mbagħad il-flus – Franco Mercieca

Hemm bżonn li Malta tieħu azzjoni malajr u li l-pajjiż jpoġġi s-saħħa qabel il-flus, skont il-kirurgu Franco Mercieca.

Fuq Facebook Mercieca, li huwa eks Segretarju Parlamentari tal-Partit Laburista, qal li żminijiet straordinarji jimmeritaw miżuri straordinarji.

“Mill-ewwel statistiċi l-coronavirus mistenni jeqred mill-inqas erba’ miljun persuna madwar id-dinja,” qal Mercieca. Spjega li Malta għandha fost l-aktar kontrolli faċli tal-fruntiera però qal li trid tittieħed azzjoni immedjatament.

Mercieca qal li l-kontroll fuq min jidħol u joħroġ minn Malta huwa importanti. Huwa favur li l-ivjaġġar lejn il-postijiet milqutin b’mod gravi mill-coronavirus jiġi pprojbit.

“Is-saħħa għandha tkun il-priorità u mhux il-flus,” saħaq Mercieca.

Extraordinary times warrant extraordinary measures. From early statistics coronavirus ,Covid-19 is set to eradicate at…

Posted by Franco Mercieca on Sunday, March 8, 2020

Bżonn tindifa ġenerali – PN

Fi stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap Robert Arrigo, il-PN qal li l-Gvern huwa fid-dover li jagħmel dak li huwa meħtieġ sabiex jippreveni t-tifrix tal-COVID-19, kif ukoll iserraħ moħħ il-poplu li jaċċerta stabbiltà fis-settur tat-turiżmu.

“Jeħtieġ li l-Gvern jindirizza dan it-tħassib billi jiżgura aktar minn qatt qabel l-indafa fil-pajjiż, speċjalment f’inħawi li jattiraw numru kbir ta’ turisti. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex kemm jista’ jkun malajr jara li ssir tindifa ġenerali f’dawn iż-żoni,” qal il-PN.

Il-konsulenti kollha tad-Dipartiment tal-Mediċina ta’ Mater Dei huma favur li jieqfu t-titjiriet mit-Tramuntana tal-Italja, skont l-Assoċjazzjoni Medika Maltija.