Coronavirus: Bla prekawzjonijiet f’Malta tħalli 5,400 vittma – Grech

Id-deputat Laburista Etienne Grech qal li meta l-coronavirus tidħol f’Malta – għax skont it-tabib Grech din hi kwistjoni ta’ meta u mhux jekk – din kapaċi tħalli 5,400 vittma jekk il-Gvern ma jiħux il-prekawzjonijiet neċessarji.

Grech ħa l-ħin tal-aġġornament biex jispjega li l-prekawzjonijiet neċessarji li l-pajjiż għandu jieħu biex il-coronavirus ma jħallix ħerba warajh.

“Skont statistika miġbura s’issa jidher li l-coronavirus għandu l-kapaċità li jinfetta mas-60% tal-popolazzjoni: minn dawn 15% jaqbadhom bil-qawwi, 5% jispiċċaw kritiċi, waqt li 2% jispiċċaw vittmi tal-virus. Issa, jekk taqbad calculator issib li jekk jidħol Malta, il-coronavirus kapaċi jħalli 5,400 vittma,” stqarr Grech.

Huwa qal li ma jaqbilx mal-istrateġija tal-Gvern li jżomm il-pjan ta’ kontinġenza mistur. “Nifhem li dan m’għandux jixxandar mal-erba’ rjiħat biex ma toħloqx paniku iżda tal-inqas ir-rappreżentanti tal-persuni mediċi għandhom ikollhom aċċess għal dan il-pjan,” hu qal.

Grech qal li l-maskli huma diġà out of stock fl-ispiżeriji privati waqt li hand sanitiser inħatfu wkoll.

Id-deputat Laburista qal li l-ġimgħa li għaddiet, uħud mill-Maltin ippanikjaw u marru jixtru mis-supermarkets biex jaħżnu. “Safejn naf jien il-hoarding hu illegali f’Malta u ilu hekk minn żmien il-gwerra,” spjega Grech.

Grech staqsa jekk il-ħażniet ta’ ħwejjeġ protettiv minn żmien l-iswine flu skadewx jew inżammewx.

Il-Gvern ħabbar li dawk il-persuni li qed ibatu minn infezzjoni respiratorja u li siefru lejn lista ta’ 20 pajjiż fl-aħħar 14-il jum għandhom iċemplu tabib minħabba l-coronavirus. Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li ttestjar għal COVID-19 se jsir fuq pazjenti li qegħdin isoffru minn infezzjoni respiratorja bis-sogħla, deni, jew qtugħ ta’ nifs u li kienu f’wieħed mill-pajjiżi fejn hemm trażmissjoni lokali tal-COVID-19 matul l-aħħar 14-il jum.