“Ma nistgħux nillaxkaw” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles J  Scicluna wissa’ biex ma nillaxkawx fejn tifħol il-pandemija tal-coronavirus waqt li appella biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed għax qal, “…jekk ikollna ħafna kaptani, il-vapur mhux se jmur fid-direzzjoni l-ġusta.” Waqt quddiesa bil-Bażilika ta’ Kristu Re’ fir-Raħal Ġdid, b’rizq dawk li l-aktar li huma fuq quddiem fil-kura għal din il-pandemija, il-‘frontliners’, l-Arċisqof wera l-apprezzament u s-solidarjetà waqt li stieden biex “nitolbu għalihom għaliex għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir”.

L-injoranza u n-nuqqas ta’ responsabbiltà

B’referenza għas-silta mill-evanġelju, l-Arċisqof qal li ż-żgħażagħ li niżżlu lill-magħtub mix-xorok tal-bejt kienu tipiċi tal-frontliners: ma qagħdux iħarsu imma xammru l-kmiem u għamlu xi ħaġa, xhieda ta’ fidi konkreta. Issokta li dan l-evanġelju juri ukoll spirtu ta’ fejqan, iżda, żied l-Arċisqof hemm ukoll il-ħtieġa tal-ispirtu tat-tagħlim.

“Qrajt kumment li laqatni ħafna … li rridu niġġieldu kontra l-pandemija tal-injoranza; il-pandemija ta’ min jaħseb li jista’ jinjora dak li tgħallimna x-xjenza u jagħmel ta’ rasu. L-injoranza, jew inkella n-nuqqas ta’ responsabbiltà, hija periklu għas-saħħa tagħna daqskemm hu perikoluż il-virus” qal l-Arċisqof Scicluna.

Għaqda, saħħa, dehen

L-Arċisqof ħa spunt mill-Innu Malti fejn il-poeta nazzjonali semma’ tlett doni: l-għaqda, is-saħħa u d-dehen jiġifieri “li inti tagħraf x’hemm bżonn isir u tagħmlu b’kuraġġ kbir.” Huwa wera t-tama li l-professjoni medika u l-awtoritajiet tas-saħħa jiffaċċjaw il-pandemija b’mod olistiku biex dawn “bl-imħabba li juru, bis-sagrifiċċju li juru, ma jwasslux biss il-fejqan fiżiku imma wkoll idewwu tant ġerħat psikoloġiċi u spiritwali”. Hawnhekk semma il-ġerħa tas-solitudni , dik tal-emarġinazzjoni u l-ġerħa tal-istigma li jridu jintrebħu. 

Ma nillaxkawx

L-Arċisqof għamel refernza diretta lejn is-sitwazzjoni preżenti tal-COVID-19.

“Nifhmu li fiċ-ċirkostanzi, anke ta’ dawn l-aħħar ġranet, ma nistgħux nillaxkaw; irridu nkomplu nsegwu b’għożża lil xulxin u nifhmu wkoll li l-awtoritajiet għandhom responsabbiltà li jagħtuna direzzjoni u aħna għandna wkoll ir-responsabbiltà li nsegwuhom. Jekk kulħadd jibda joħroġ bil-protokolli tiegħu, se noħolqu biss konfużjoni. L-awtoritajiet, f’kulma jagħmlu, ikunu qed isegwu l-aħjar xjenza possibbli u disponibbli, imma jekk ikollna ħafna kaptani, il-vapur mhux se jmur fid-direzzjoni l-ġusta” wissa l-Arċisqof.

Huwa temm billi sejjaħ biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed b’ġħaqal, sens ta’ solidarjetà u responsabbiltà.