
Franza qed tipprojbixxi attivitajiet kbar li jkollhom aktar minn 5,000 persuna li jkunu fuq ġewwa. L-awtoritajiet ħadu din il-miżura biex jippruvaw jikkontrollaw it-tixrid tal-coronavirus.
Skont il-BBC, il-miżuri tħabbru wara laqgħa urġenti tal-Kabinett. In-nofs maratona ta’ Pariġi li kellha ssir għada tħassret.
Fit-Tramuntana ta’ Pariġi tħassru l-attivitajiet pubbliċi tal-massa kollha. Sas-Sibt kien hemm 73 każ tal-COVID-19 fi Franza. Żewġ pazjenti mietu.
Madwar id-dinja hemm madwar 83,650 każ ikkonfermat f’aktar minn 50 pajjiż. S’issa mietu aktar minn 2,800 persuna.
X’inhi s-sitwazzjoni f’Malta?
Prof. Charmaine Gauci qalet li mal-ewwel każ dwar il-coronavirus, il-pubbliku se jiġi mgħarraf mill-ewwel. Meta kienet qed titkellem fuq il-programm tal-103 FM The Newsbook Hour ma’ Fr. Joe Borg, Prof. Gauci tat garanzija li mal-ewwel każ tal-coronavirus, l-awtoritajiet tas-saħħa se javżaw mill-ewwel.
“Kulħadd qed jagħmel li jista’ f’dawn iċ-ċirkostanzi u rridu l-koperazzjoni tal-pubbliku. Aħna dejjem konna trasparenti mal-mezzi tax-xandir u pubbliku in ġenerali u hekk se nibqgħu. Barra minn hekk għandna obbligu internazzjonali mal-international health regulations kif ukoll mal-Unjoni Ewropea li rridu nirrapportaw kull każ,” saħqet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.