Coronavirus: “Assurda” – JPO dwar żjarat imħassrin l-Esplora

Jeffrey Pullicino Orlando, li huwa ċ-Chairperson ta’ Esplora Malta, qal li ċerti skejjel qegħdin iħassru żjarat pjanati fl-Esplora minħabba biża’ mill-coronavirus, u biex isegwu direttivi maħruġin mill-Unjin tal-Għalliema (MUT).

Fuq Facebook Pullicino Orlando qal li din hi xi ħaġa assurda. Dan wara li l-MUT ħarġet direttivi għall-għalliema, biex jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa kontra l-virus li s’issa għadu ma daħalx f’Malta.

Fosthom, l-għalliema m’għandhomx jaċċettaw xogħol tad-dar ta’ tfal li kienu morda u m’għandhomx jaċċettaw tfal fil-klassi b’sintomi ta’ riħ.

“Mela li nħallu lit-tfal u l-għalliema ġo klassi ma’ xulxin bit-twieqi magħluqin aħjar?” staqsa Pullicino Orlando.

L-MUT illum ħarġet direttivi biex jitwaqqfu l-lezzjonijiet fl-MCAST wara li ġie rrappurtat qtugħ fil-provvista tal-ilma. Ordnat ukoll lill-għalliema tal-iskejjel primarji ta’ Raħal Ġdid biex għada ma jirrappurtawx għax-xogħol, peress li dawn, ukoll, għandhom qtugħ fil-provvista tal-ilma. Il-UPE qablet magħha.