Coronavirus: Aktar pajjiżi fil-lista; jekk sifirt hawn u għandek dawn is-sintomi ċempel tabib

Il-Gvern ħabbar li dawk il-persuni li qed ibatu minn infezzjoni respiratorja u li siefru lejn lista ta’ 20 pajjiż fl-aħħar 14-il jum għandhom iċemplu tabib minħabba l-coronavirus.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li ttestjar għal COVID-19 se jsir fuq pazjenti li qegħdin isoffru minn infezzjoni respiratorja bis-sogħla, deni, jew qtugħ ta’ nifs u li kienu f’wieħed mill-pajjiżi fejn hemm trażmissjoni lokali tal-COVID-19 matul l-aħħar 14-il jum.

Dawn il-pajjiżi jew reġjuni jikkonsistu:

Ir-Reġjun tal-Ewropa:

  • Italja
  • Franza
  • Ġermanja
  • Spanja
  • Renju Unit
  • Norveġja
  • L-Olanda
  • San Marino

Ir-Reġjun tal-Punent Paċifiku:

  • Ċina (inkluż ir-Reġjun Speċjali Amministrattiv ta’ Hong Kong)
  • Ir-Repubblika tal-Korea
  • Ġappun
  • Singapore
  • Awstralja
  • Malażja
  • Vjetnam

Ir-Reġjun tax-Xlokk tal-Asja:

  • Tajlandja

Ir-Reġjun tal-Lvant tal-Mediterran:

  • Iran
  • Emirati Għarab Magħquda

Ir-reġjun Amerikan:

  • Kanada
  • Stati Uniti tal-Amerka

Dan qed isir fuq rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard (ECDC).

“Persuni bis-sintomi msemmija hawn fuq u li kienu f’dawn il-pajjiżi fl-aħħar 14-il ġurnata, għandhom iċemplu lit-tabib tagħhom jew il-helpline apposta 21324086. Dawn il-persuni huma avżati biex ma jżurux kliniċi tat-tobba, iċ-ċentri tas-saħħa u d-dipartiment tal-emerġenza, bħala l-ewwel kuntatt tagħhom,” qal il-Ministeru.

Ir-rakkomandazzjonijiet biex persuna tagħmel kwarantina lilha nnifisha jibqa’ għal dawk ir-reġjuni u pajjiżi fejn it-trasmissjoni bejn persuna u oħra hija għolja.

Dawn huma:

  1. In-naħa ta’ fuq tal-Italja: Lombardija, Piedmont, Veneto u Emilia Romagna
  2. Ċina (li tinkludi ir-Reġjun Speċjali Amministrattiv ta’ Hong Kong)
  3. Singapore
  4. Ġappun
  5. Iran
  6. Il-Korea t’Isfel

Il-pubbliku huwa mfakkar biex jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji għall-prevenzjoni ta’ infezzjonijiet respiratorji:

Naddaf: naddaf idejk ta’ spiss billi taħsilhom bl-ilma u bis-sappun jew billi tuża hand rub.

Waqqaf: Waqqaf mikrobu milli jinfirex billi toqgħod id-dar jekk tħossok ma tiflaħx. Tmurx għax-xogħol u tibgħatx lit-tfal l-iskola sakemm jgħaddu s-sintomi. Iżżurx persuni l-isptar jekk tkun ma tiflaħx.

Agħtti: Uża tissue biex tgħatti ħalqek u mnieħrek meta tagħtas jew tisgħol. Tħallix it-tissues użati jiġru. Tagħttix ħalqek u mnieħrek bil-pala ta’ jdejk meta tagħtas jew tisgħol għax tista’ tikkontamina l-affarijiet li tmiss.

Għal iktar informazzjoni, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jċempel il-COVID-19 helpline fuq 21324086 jew iżur il-website covid19.gov.mt.

Il-General Workers Union (GWU) u l-UĦM – Voice of the Workers iridu li l-ħaddiema tal-privat li jkunu fi kwarantina jibqgħu jitħallsu.