Coronavirus: 250 Ewropew jaslu Franza miċ-Ċina

REUTERS/Jean-Paul Pelissier

Ajruplan li telaq minn Wuhan fiċ-Ċina b’250 Ewropew abbord wasal Franza. Dawn ittieħdu mill-belt Ċiniża minħabba l-coronavirus.

Madwar 65 Franċiż se jitqiegħdu fi kwarantina jew ġo lukanda fin-Nofsinhar ta’ Franza, jew f’ċentru fejn jitħarrġu l-uffiċjali tat-tifi tan-nar.

Fuq l-ajruplan kien hemm ċittadini minn 30 pajjiż differenti. Ħafna minn dawk li mhumiex Franċiżi beħsiebhom imorru lura pajjiżhom.

Ir-Repubblika Ċeka, li kellha ħames ċittadini, fuq din it-titjira, qalet li se jittieħdu Brussell u minn hemm imorru lura r-Repubblika Ċeka fuq ajruplan Ċek. Kien hemm ukoll ċittadini Ingliżi u Żvediżi.

Madwar 130 Russu se jiġu evakwati mill-provinċja Hubei fiċ-Ċina permezz ta’ ħames ajruplani militari. Dan qalu l-Ministeru għad-Difiża Russu.

Dan il-virus s’issa qatel lil ftit iżjed minn 300 persuna, u ‘l fuq minn 14,000 persuna ġew infettati. Illum mietet l-ewwel persuna bil-coronavirus barra miċ-Ċina, fil-Filippini.