Coronavirus: 2 każi oħra f’Malta

Miguela Xuereb

Read in English.

L-awtoritajiet tas-saħħa ikkonfermaw li l-ġenituri tat-tifla li kienet pożittiva dalgħodu għal COVID-19, ġew ikkonfermati wkoll pożittivi għall-vajrus. Il-ġenituri diġà kienu ġew iżolati fl-Isptar Mater Dei mat-tifla iktar kmieni dalgħodu.

Skont l-istqarrija maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, is-sitwazzjoni hija kkontrollata u miżmuma fil-familja li mindu ġiet lura Malta mill-Italja segwiet il-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa u qagħdet fi kwarantina. Stqarrew li jixtiequ jserrħu ras il-pubbliku li dawn il-każjiet ġew miżmuma taħt iżolament.

S’issa sar 181 test fuq persuni li siefru f’postijiet milquta minn dan il-virus u li żviluppaw sintomi. Iżda s’issa kienu t-tliet membri ta’ din il-familja biss rriżultaw pożittivi għall-COVID-19. Bħala parti mis-sorveljanza, ġew ittestjati 157 persuna oħra u rriżultaw negattivi għall-COVID-19.

L-awtoritajiet tas-saħħa qed jinfurmaw lill-pubbliku li m’hemmx bżonn ta’ allarm u fakkru fl-importanza tal-ħasil tal-idejn regolari, li tgħatti mnieħrek u ħalqek b’tissue, jew bil-minkeb meta tisgħol u tgħatas u toqgħod id-dar jekk tħossok ma tiflaħx. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq l-helpline tal-COVID-19 fuq 111.