Coronavirus: 12-il sodda ‘l barra minn Mater Dei f’każ ta’ bżonn

L-ebda każ ta' Coronavirus f'Malta

Read in English.

  • L-ebda każ ta’ Coronavirus f’Malta
  • Ċentru ta’ iżolament bi 12-il sodda jinsab lest ‘l barra mill-Isptar Mater Dei
  • Screening fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta
  • Jekk ikun hemm każ f’Għawdex, il-pazjent jinġieb Malta
  • L-ebda restizzjonijiet ta’ safar
  • Avviż biex f’każ ta’ safar ma jżurux swieq jew postijiet fejn jinżammu annimali

Id-Dipartiment għas-Saħħa għaddej bil-preparamenti biex fl-eventwalità li jitfaċċa każ tal-Coronavirus f’Malta, l-pazjent ikun iżolat u ttrattat bl-aħjar mod. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ta d-dettalji ta’ dawn il-preparamenti f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbar ukoll li f’Malta m’hawn l-ebda każ ta’ dan it-tip ta’ virus.

Waħda mill-ewwel preparamenti hija dik li twaqqaf ċentru ‘l barra mill-isptar Mater Dei li fih se jkun hemm 12-il sodda biex f’każ li jkun hawn persuni b’dan il-virus jiġu kkurati f’dan iċ-ċentru ta’ iżolament.

F’każ li jinstab xi każ f’Għawdex, il-Ministru qal li l-pazjent jiġi iżolat u jiġieb f’ċentru ta’ iżolament f’Malta.

Preparazzjoni fl-ajruport

Huwa qal li l-awtoritajiet tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huma ppreparati biex il-passiġġiera kollha li jkunu jafu li ġejjin minn pajjiżi li hemm il-virus issir screening fuqhom biex jidentifikaw jekk ikunux infettati bil-Coronavirus.

Spjega li Malta m’għandha l-ebda titjira diretta lejn iċ-Ċina u għaldaqstant qed jiġu screened il-passiġġieri li jkunu ġejjin minn ajruport ieħor transitorju bit-tluq oriġinali jkun iċ-Ċina.

Qal li fl-ajruport hemm ukoll żona ta’ iżolament biex f’każ li jidħol passiġġier (case definition) li jkollu s-sinjali ta’ dan il-virus jittieħed swab. Dan l-iswab jittieħed fl-isptar Mater Dei u l-Ministru Fearne qal li sa għada filgħodu, l-isptar se jkun jista’ jipprovdi riżultat tal-iswab fi żmien sagħtejn.

Żona ta’ iżolament oħra twaqqfet fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Hemm miżuri wkoll biex persuna jiġi iżolat f’daru jekk ikun hemm suspett mit-tabib tal-familja.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar preparamenti fil-portijiet f’każ li passiġġieri bil-baħar jaslu Malta bil-Coronavirus, il-Ministru qal li sa issa m’hemm l-ebda każ ta’ Coronavirus fuq il-baħar. Dan b’referenza għal rapporti fil-midja internazzjonali li kru fuq il-bastiment tal-merkanzija CMA CGM kien jinsab marid. L-artiklu jindika li seba’ mill-ekwipaġġ kellhom id-deni iżda l-marda propja kienet għadha mhix identifikata minħabba li l-bastiment kien għadu qed ibaħħar.

Possibilment jinġiebu l-Maltin li hemm fiċ-Ċina

Id-Deputat Prim Ministru kkonferma li bħalissa għaddejjin taħditiet mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin biex jevalwaw is-sitwazzjoni fiċ-Ċina. Dan jinkludi wkoll pjani biex f’każ ta’ eventwalità jkunu jistgħu jinġiebu l-Maltin li jinsabu fiċ-Ċina.

Dwar l-ivjaġġar lejn postijiet li fihom ħarġu każijiet ta’ Coronavirus, il-Ministru Fearne wieġeb billi qal li sa issa m’hemm l-ebda restrizzjonijiet ta’ safar mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO). Spjega wkoll li Malta qed timxi mal-istruzzjonijiet u d-direzzjoni li qed tingħata minn din l-organizzazzjoni.

Coronavirus, x’inhu?

Il-Ministru Chris Fearne spjega li dan huwa virus pjuttost ġdid. Qal li l-ewwel każijiet ħarġu erba’ ġimgħat ilu, fil-31 ta’ Diċembru 2019. Qal li s-sitwazzjoni hija fluwida li l-affarijiet jistgħu jinbidlu minn siegħa għall-oħra.

Xabbah il-coronavirus mall-influwenza iżda qal li fl-istess ħin m’għandhiex x’taqsam. Qal li jixbaħ lill-influwenza fil-mod kif jittieħed u l-konsegwenzi tiegħu.

Qal li fih tliet differenzi ewlenin mill-influwenza li fosthom m’hemmx immunità għalih għax virus ġdid, m’hemmx tilqima u m’hemmx trattament mediku.

Il-Ministru xejjen diversi għajdut li tal-ikel Ċiniż u qal li n-nies jistgħu jieklu ċ-Ċiniż. Għajdut ieħor kien dwar pakketti li jsalu miċ-Ċina u qal li jekk ikunu telqu miċ-Ċina aktar minn 48 siegħa ma jkunx hemm problemi.