Corny BIG Brownie rtirat mis-suq

Il-prodott Corny BIG Brownie ġie rtirat mis-suq għaliex il-lista ta’ ingredjenti mhix stampata bl-Ingliż fuq il-pakkett.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li dan ġara minħabba żball fl-ippakkjar tal-prodott. Spjegat li l-irtirar tal-prodott mis-suq japplika biss għal Corny BIG Brownie, li għandu n-numru 61260 u d-dati ta’ skadenza 20.09.2019, 07.12.2019, u 27.02.2020.

Skont il-kumpanija, il-prodott li m’għandux il-lista tal-ingredjenti bl-Ingliż jista’ jkun ta’ riskju għas-saħħa għal kull min għandu allerġija għall-karawett, iċ-ċereali li jkun fihom il-glutina, jew intolleranza għall-ħalib. Il-konsumaturi li xtraw il-prodott imsemmi hawn fuq, u li għandhom allerġija għall-ħalib, il-karawett jew il-glutina, m’għandhomx jiekluh u jistgħu jirritornawh fil-ħwienet.