Corazón għal Ġieħ iż-Żejtun 2019

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun se jkun qed itella’ serata Mużiko-Letterarja fl-okkażjoni ta’ Jum il-Kunsill Lokali taż-Żejtun nhar it-Tlieta 19 ta’ Marzu 2019, festa pubblika, fis-7.30 pm fis-Sala Parrokkjali, Misraħ ir-Repubblika, iż-Żejtun.

Din is-sena s-serata se tkun akbar mis-snin imgħoddija fl-okkażjoni tal-25 sena tal-kunsill lokali.

Is-serata se tkun imżewqa b’mużika Maltija, b’vuċi mill-isbaħ mill-kantanta Corazón Mizzi, li se tkun qed tkanta diversi diski mill-album il-ġdid u oħrajn aktar rinomati, flimkien mal-banda tagħha.

Waqt din is-serata se jkunu qed jinqraw l-aqwa xogħlijiet letterarji minn kull kategorija li ġew sottometti fil-Konkors Letterarju 2019, kif ukoll se jkun qed joħroġu żewġ kotba bix-xogħlijiet li bihom ipparteċipaw f’dan il-Konkors.

Bħal kull sena, waqt din is-serata wkoll se jkun qed jingħata Ġieħ iż-Żejtun lil dik il-persuna li ħadmet b’risq iż-Żejtun u ż-Żwieten fuq livell lokali, nazzjonali, u internazzjonali, kif ukoll se jkunu qed jingħataw erba’ rikonoxximenti: Anzjanità Attiva, Fjamma Żagħżugħa, Wirt il-Ħarsien Kulturali u l-Isportiv tas-Sena.

Din is-erata li se tkun qed tagħti promozzjoni dak li hu Malti u x’taf toffri l-lingwa Maltija kull sena tkun mistennija minn ħafna u kulħadd huwa mistieden li jattendi. Għaldaqstant, dawk li jixtiequ jirriservaw il-postijiet tagħhom bla ħlas għal din is-serata jistgħu jagħmlu dan billi jibagħtu in-numru ta’ postijiet li jixtiequ fuq chircop.sean@gmail.com jew iċemplu fuq 21 663866.