Cool tiffranka 100,000 kg ta’ CO2 mill-arja tagħna

Read in English.

Il-kumpanija ta’ ride-pooling Cool illum qed tiċċelebra l-ewwel anniversarju tagħha f’Malta, sena li fiha bdiet tibdel il-kunċett ta’ trasport f’pajjiżna. Membri tal-komunità ta’ kull età qed jużaw Cool u huma entużjasti bl-introduzzjoni ta’ dan is-servizz f’pajjiżna.

Il-kunċett ta’ ride-sharing intlaqa’ b’mod tajjeb ħafna u n-numru ta’ konsumaturi żdiedu b’mod mgħaġġel hekk kif is-servizz ġie estiż għall-pajjiż kollu. Is-servizz jipprovdi diversi benefiċċji, fosthom sens ta’ indipendenza għaċ-ċittadini żgħażagħ u anzjani, sens ta’ sigurtà akbar għan-nisa, u tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku minn persuni li għażlu li jivvjaġġaw ma’ ħaddieħor flok isuqu waħidhom.

Laura Jasenaite, Kap Eżekuttiv ta’ Cool qalet: “Ninsabu kuntenti li naraw kif il-Maltin li tradizzjonalment ifittxu l-vettura personali, qiegħdin jilqgħu l-idea li jaslu fid-destinazzjoni tagħhom mingħajr ma jivvjaġġaw waħidhom u mingħajr il-battikata li jsibu fejn jipparkjaw. Billi nnaqsu u nevitaw vjaġġi fejn persuna tivvjaġġa waħidha, qed innaqqsu t-traffiku u l-akbar sors ta’ tniġġis f’Malta – l-emissjonijiet mill-vetturi.”

Dejta miġbura minn Cool fl-ewwel sena ta’ ħidma tagħha f’Malta turi kif rata għolja ta’ vjaġġi b’aktar minn persuna waħda jnaqqsu t-traffiku bejn 15% u 30%. Fl-ewwel sena tas-servizz, Cool frankat lill-infrasruttura ta’ Malta b’aktar minn 450,000 kilometri ta’ sewqan li f’ċirkostanzi oħra kienu jinstaqu minn persuna waħidha. Dan wassal biex mal-100,000 kg ta’ CO2 tnaqqsu milli jinħelsu fl-ambjent u l-arja tagħna.

Geoffrey Debono, Kap Eżekuttiv ta’ Debono Group fakkar kif id-deċiżjoni li titnieda Cool f’Malta kienet torbot perfettament mal-missjoni tal-kumpanija li tiddefinixxi mill-ġdid il-mobilità f’pajjiżna. “Naħseb nistgħu naqblu li waħda mill-vantaġġi tal-pandemija riċenti kienet il-ħila li napprezzaw kif ikunu t-toroq f’Malta mingħajr traffiku. Aħna nappellaw lill-Gvern biex jieħu din l-opportunità biex jixpruna bidla lejn trasport effiċjenti u sostenibbli”.

Il-kumpanija qed tiċċelebra dan l-anniversaru b’vann li jfakkar din l-okkażjoni speċjali, filwaqt li l-konsumaturi li se jinzertaw fuq vjaġġ fuq dan il-vann, se jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’rigal speċjali li jfakkar din il-ġurnata.