Cool Ride-Pooling tibda s-servizz tagħha f’Malta

Cool hija l-iżjed app riċenti hawn Malta li biha tista’ tibbukja l-vjaġġ tiegħek u għandha ħafna iżjed x’toffri mit-taxi apps simili tagħha. Fil-fatt, Cool huwa l-ewwel servizz ġewwa xtutna li jtella passiġġieri li huma sejrin fl-istess direzzjoni u jiġborhom flimkien. B’hekk jitnaqqsu l-karozzi fit-toroq fil-waqt li joffru servizz tajjeb bi prezz għal benefiċċju ta’ kulħadd!

L-app il-ġdida ta’ Cool tista’ titniżżel kemm mill-App Store kif ukoll il-Google Play Store.

Is-servizz huwa mħaddem minn ViaVan, ġgant fl-industrija ta’ transport permezz ta ride-pooling. Is-soluzzjoni tagħhom huwa bla paragon s’issa u l-algoritmi tal-app iqabblu passiġġieri li ser jivjaġġaw fl-istess direzzjoni fil-waqt li ssib l-aqwa rotta għalihom ġewwa żona partikolari.

Għal bidu ta’ dan il-proġett, il-vetturi ta’ Cool għandhom joperaw ġewwa żona fissa li tkopri l-villaġġi ta’ Ħ’Attard, Ħal-Balzan, Birguma, Birkirkara, Blata l-Bajda, Floriana, Għargħur, Gwardamangia, Gżira, Ħamrun, Ibraġġ, Iklin, Imrieħel, Kappara, Lija, Madliena, Marsa, Msida, Swatar, Swieqi, Paceville, Pembroke, Pieta’, Ħal-Qormi, San Ġwann, Sliema, San Ġiljan, Santa Venera, Ta’ Xbiex, u l-Belt Valletta. Wara dan, is-servizz għandu jestendi sabiex jilħaq iżjed lokalitajiet madwar il-gżejjer Maltin.

Vjaġġar ġewwa din iż-żona tiswa €4.95 għal kull vjaġġ, u t-tieni passiġġier li jkun sejjer fl-istess direzzjoni jħallas biss €2.48, jiġifieri nofs il-prezz normali.

Cool huwa proġett ġdid miġub minn Debono Group. Wara s-suċċess fl-2018 tas-servizz ta’ GoTo, mezz ta’ kif taqsam il-vjaġġ tiegħek ma’ nies oħra waqt li tkun qiegħed issuq inti stess, il-grupp tal-mobbiltà għandhom l-għan li jwasslu servizz ieħor uniku ġewwa Malta.

“Cool huwa pass ieħor għalina sabiex inkomplu nfasslu sistema sostenibbli ta’ mobbiltà f’Malta. L-għan tagħna huwa li l-mobbiltà f’din il-gżira ssir l-iżjed effiċċjenti u sempliċi fid-dinja. Infittxu l-opportunita’ sabiex dejjem intejjbu l-esperjenza ta’ min jivjaġġa magħna, permezz ta’ teknoloġija li biha noffru l-aqwa soluzzjonijiet għal benefiċċju tal-passiġġier tagħna. Cool jiggarantixxi l-aqwa rotot ikkalibbrati dak il-ħin stess, u permezz ta’ dan, il-vjaġġ isir malajr, b’mod effiċċjenti u mingħajr tidwir żejjed”, qal Geoffrey Debono, CEO ta’ Debono Group.

Michael Debono, Direttur ta’ l-Istrateġija ta’ Debono Group, żied ukoll, “Bħala Debono Group dejjem naraw biex intejjbu l-għażla ta’ mezzi tat-trasport lokali. Nixtiequ nagħtu bidu għal soluzzjoni ta’ transport li jiġbor nies differenti li sejrin f’direzzjoni waħda u li tintuża ta’ spiss. Nisperaw li ngħinu mijiet ta’ nies fil-vjaġġar tagħom ta’ kuljum madwar Malta, u b’hekk Cool ikun biddel is-suq tal-mobbiltà lokali b’mod iżjed aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd.”

“ViaVan huwa mexxej fil-qasam ta’ ride-pooling u joffri servizzi madwar id-dinja, fost bliet bħal New York, Londra, Berlin u Amsterdam. Il-kumpanija qiegħda tbiddel il-mobbiltà pubblika billi toffri soluzzjonijiet ta’ trasport li jaslu minnufih”, jgħid Chris Snyder, CEO ta’ ViaVan. “Malta bħala pajjiz miexja l-quddiem bl-innovazzjoni, u huwa bi pjaċir kbir li nħabbru dan is-servizz flimkien ma’ Debono Group. Flimkien nixtiequ nipprovdu mezz ta’ transport konvenjenti, affordabbli u li jnaqqas l-volum ta’ karozzi fit-toroq, kemm għal Maltin kif ukoll għat-turisti. Dan huwa eżempju ċarissimu ta’ pajjiz li verament jixtieq jimxi l-quddiem bil-futur tal-mobbiltà”.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrasstruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg faħħar il-proġett billi qal: “Huwa bi pjaċir li nilqaw din l-inizjattiva bħala mod sostenibbli tat-trasport, li għandu jikkontribbwixxi għat-tnaqqis ta’ vetturi fit-toroq Maltin. Illum il-ġurnata l-maġġoranza ta’ vetturi privati jkollhom passiġġier wieħed biss; permezz ta’ dan is-servizz ta’ ride-pooling għandna nżidu l-ammont ta’ passiġġieri ġewwa kull vettura u b’hekk jitwasslu l-benefiċċji ta’ inqas spejjeż, inqas bżonn ta’ spazji ta’ parkeġġ kif ukoll arja dejjem iżjed nadifa.”

Tista’ tniżżel l-app hawnhekk.