Conte jhedded mill-ġdid li se jirreżenja jekk ma jintlaħaqx kompromess dwar il-budget

REUTERS/Remo Casilli

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ġedded mil-ġdid it-theddida tiegħu li jirreżenja qabel il-laqgħa mal-koalizzjoni li qed tmexxi l-Gvern fil-pajjiż. Hu qed iwissi dwar il-problemi u nkwiet li se jinħoloq jekk ma jkunux lesti li jilħqu kompromess mal-Unjoni Ewropea dwar il-budget.

Conte se jkun qed jiltaqa’ mal-mexxej tal-Lega Matteo Salvini u l-kap tal-Moviment tal-Ħames Stilel Luigi Di Maio, li t-tnejn huma deputati Prim Ministri, sabiex jipprova jsolvi d-differenzi bejn iż-żewġ naħat u jaslu għal qbil komuni sabiex jevitaw azzjonijiet dixxiplinarji mill-Unjoni Ewropea minħabba l-budget tal-2019.

Din se tkun l-ewwel laqgħa tat-tip minn meta Conte, li ma jappartjeni għall-ebda partit politiku, hedded li jirreżenja għall-ewwel darba l-ġimgħa li għaddiet wara ġlied intern u kummenti minn Salvini, li Ruma kienet ippreparata li tikser ir-regoli fiskali tal-Unjoni Ewropea.

Conte ġedded din it-theddida f’intervista ppubblikata llum mill-gazzetta Taljana Corriere della Sera.

L-Italja għandha madwar €2.3 triljun f’dejn tal-istat, li jagħmilha t-tieni l-aktar pajjiż midjun fiż-żona Ewro wara l-Greċja. L-ekonomija tal-pajjiż bħalissa tinsab staġnata.