Conte jħabbar 2 ministri ġodda; pjan ambizzjuż għall-2020

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte semma żewġ ministri ġodda li għandhom jieħdu post il-Ministru għall-Edukazzjoni li rreżenja din il-ġimgħa. Huwa ħabbar aġenda ambizzjuża għas-sena d-dieħla, li tinkludi r-riforma tas-sistema ġudizzjarja u tal-burokrazija tal-istat.

F’konferenza tal-aħbarijiet li damet tliet sigħat, Conte akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni Matteo Salvini li aġixxa b’mod malizzjuż, u appella għal unità fil-konfront tal-koalizzjoni maqsuma li qiegħda fil-Gvern tiegħu.

Conte ħabbar li l-Ministeru tal-Edukazzjoni se jinqasam fi tnejn wara r-reżenja ta’ Lorenzo Fioramonti li qal li ma kienx hemm biżżejjed fondi. Lucia Azzolina, li kienet taħdem taħt Fioramonti u li wkoll ġejja mill-Partit tal-5 Stilel, issa hija l-Ministru l-ġdida għall-iskejjel. Gaetano Manfredi, li m’għandux partit, u li hu r-Rettur tal-Università ta’ Napli, tħabbar bħala l-Ministru għall-Universitajiet u r-Riċerka.

Tliet senaturi tal-Partit tal-5 Stilel irreżenjaw dan ix-xahar biex jingħaqdu mal-Lega Nord ta’ Salvini, u xi politiċi huma tal-fehma li hemm oħrajn li jridu grupp parlamentari ġdid immexxi minn Fioramonti, imma huma leali lejn Conte. Min-naħa tiegħu, Conte qal li ma jridx li jkun hemm xi parlamentari li jużaw ismu biex jiffurmaw grupp ġdid, peress li dan ikompli jdgħajjef lill-Gvern.

Il-Prim Ministru qal li se jiltaqa’ mal-partiti f’Jannar biex jelenkaw il-prijoritajiet għas-sena l-ġdida. Qal li hu deċiż li jagħmel l-almu tiegħu biex tinqata’ l-burokrazija tal-istat, minkejja l-oppożizzjoni li qed ibassar li jkun hemm għal dan.